Futbol Sport

40 SENA ILU: Valletta jagħmlu ċert mir-rebħ tal-11-il kampjonat

19 TA’ APRIL 1980

Valletta għamlu ċert mir-rebħ tal-11-il kampjonat fl-istorja tagħhom. Fl-Istadium tal-Gżira l-Beltin kisbu rebħa faċli ta’ 11-0 kontra t-tim relegat Qormi, bl-iskor ikun 4-0 sa tmiem l-ewwel taqsima. Huma aċċertaw mill-kampjonat b’logħba għat-tmiem hekk kif l-eqreb rivali tagħhom Sliema Wanderers u Floriana ma setgħux jilħquhom. Valletta ġew inkurunati champions ġimgħa wara b’rebħa ta’ 3-0 kontra Żebbuġ Rangers.

It-tim immexxi minn Johnny Calleja, kien mingħajr is-sospiżi Vince ‘Maxi’ Magro u Leli Farrugia, bil-gowlkiper Frankie Grima assenti minħabba li kien imweġġa’. Dennis Fenech fetaħ l-iskor wara tmien minuti bi ġmiel ta’ gowl minn 20 metru. It-tieni gowl wasal minn Emanuel Cristiano fis-26 minuta li xellef il-ballun fix-xibka, b’Nardu Farrugia jagħmilhom tlieta man-nofs siegħa minn penalty. Carlo Seychell żied gowl ieħor tliet minuti wara b’daqqa ta’ ras.

B’dan ir-riżultat, Valletta kienu ċerti mir-rebħa iżda l-gowls żdiedu fit-tieni taqsima. Nardu Farrugia skorja l-ħames gowl fil-50 minuta u fid-59 minuta Cristiano żied ieħor b’daqqa ta’ ras biex għaqqad it-tripletta fis-67 minuta. Seychell kabbar l-iskor tliet minuti wara, b’Charles Agius jagħmilhom 9-0. Tmien minuti mit-tmiem Farrugia wkoll skorja t-tielet gowl personali, bid-difensur Raymond Gauci jiskorja l-11-il gowl fis-86 minuta.