Internazzjonali Lokali

Anzjan Malti ta’ 75 sena jgħix ir-Renju Unit jitlef ħajtu kawża tal-Covid-19

Joe Calafato, anzjan ta’ 75 sena, hu Malti ieħor li safa vittma tal-imxija tal-Covid-19.

L-anzjan, li kien jgħix f’Londra, kien rikoverat fi sptar fejn esperjenza xi kumplikazzjonijiet wara li laqqat il-virus mingħajr ma kien jaf.

Calafato – li kien isofri wkoll minn xi kundizzjonijiet ta’ saħħa, fosthom id-dijabete – hu wieħed mill-aktar minn 15,000 vittma fir-Renju Unit kawża tal-Coronavirus.

Dan ma kienx l-uniku Malti rrappurtat li tilef ħajtu barra minn pajjiżna minħabba l-virus, hekk kif fl-aħħar ġimgħat, NET News irraporta wkoll każijiet oħrajn, fosthom fil-Kanada u żewġ każijiet oħrajn fir-Renju Unit.

F’dan il-pajjż, il-virus eskala sew fl-aħħar jiem, tant li ċ-ċifra tal-vittmi s’issa għadha tiela’ u mhux tonqos. Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat, l-imwiet kienu qed jiżdiedu bi kważi elf kuljum.