Ir-Renju Unit kompla jirreġistra l-mijiet tal-vittmi mill-coronavirus u li kienu speċifikati fuq perjodu ta’ 24 siegħa.
Dan meta n-numru tal-pazjenti li mietu fl-isptarijiet tal-pajjiż b’kaġun tal-Covid-19 żdiedu għal 16,060 – qabża ta’ 596 – biċ-ċifra tkun ftit anqas mill-istatistika tal-mejtin għal nhar is-Sibt.
Il-Papa Franġisku sejjaħ għal viżjoni ta’ dinja ‘kollettiva’ wara l-kriżi tal-Covid-19 u sostna li sitwazzjoni fejn id-dinja timxi ‘il quddiem mingħajr sens ta’ solidarjetà globali għandha tirriżulta ‘f’virus jerġa’ agħar milli qed niffaċċjaw bħalissa’. Il-Papa wissa wkoll biex l-ebda settur tas-soċjetà ma jispiċċa eskluż mill-impenji biex id-dinja tirkupra mill-impatt tal-coronavirus.
Il-Kap tal-Kattoliċi telaq mill-Vatikan għall-ewwel darba f’aktar minn xahar biex jiċċelebra l-quddies fi knisja vojta fil-viċin u fejn fakkar il-jum tal-Ħadd iddedikat lill-Ħniena Divina. Hu tenna, waqt l-omelija, li ‘issa hu ż-żmien li jitneħħew l-inġustizzji madwar id-dinja u li qed itellfu s-saħħa tal-familja umana sħiħa’.
L-Olanda rappurtat 83 mewta oħra mill-coronavirus li hu l-iżgħar ammont ta’ vittmi għal ġurnata waħda fil-pajjiż mis-26 ta’ Marzu. Fl-Olanda, mietu b’kollox 3,684 bil-coronavirus bl-infezzjonijiet ikkonfermati fil-pajjiż jiżdiedu b’1,066 għal 32,655.
Il-mejtin mill-coronavirus fl-Iżvizzera laħħqu l-1,135 – ‘il fuq mill-1,111 li kienu stabbiliti sas-Sibt. Dan meta l-ammont ta’ ċittadini li indikaw ‘pożittivi’ għall-Covid-19 żdied għal 27,740.
Il-Korea t’Isfel estendiet il-politika ta’ social distancing għal ħmistax il-jum oħra, iżda qed turi ammont ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-knejjes u l-avvenimenti sportivi. F’dan il-pajjiż kienu rappurtati biss tmien infezzjonijiet ġodda tal-coronavirus – l-iżgħar ammont għal xahrejn.
It-Turkija kkonfermat li l-każi tal-coronavirus f’artha telgħu għal 82,329. B’hekk il-pajjiż transkontinentali qabeż lill-Iran ( pajjiż ġar) għall-ewwel darba, fejn irreġistra l-akbar total ta’ infezzjonijiet għal pajjiż wieħed fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
//= $special ?>