Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sanchez, beħsiebu jnaqqas mir-riġidità tar-regoli li qed iżommu lit-tfal id-dar bħala parti mill-battalja kontra l-firxa tal-coronavirus. It-tfal ilhom ġewwa mill-14 ta’ Marzu, iżda Sanchez qed jaħseb biex huma jitħallew joħorġu għal ftit tal-arja friska fis-27 ta’ April.
Mindu bdiet il-pandemija tal-coronavirus fi Spanja mietu 20,000 persuna, waqt li l-awtoritajiet lokali kkonfermaw mal-200,000 każ ta’ infezzjoni.
Intant, Sanchez qal li filwaqt li Spanja, issa, għaddiet mill-aktar żmenijiet estremi tal-pandemija, hu kien qed jaħseb biex jitlob lill-Parlament ta’ Madrid biex jestendi ‘l-istat tal-allarm’ fil-pajjiż sad-9 ta’ Mejju.
Hu spjega li l-kisbiet fil-konfront tal-virus għadhom ‘insuffiċjenti u fi stat fraġli’, waqt li ma jistgħux ikunu perikolati ‘b’deċiżjonijiet li jsiru bl-għaġġla u b’detriment għall-poplu’.
Ir-rapporti issa qalu li mietu 410 oħra mill-coronavirus fi Spanja (anqas mill-ammont tas-Sibt) u bin-numru jkun ‘l isfel sew miċ-ċifri tal-vittmi rappurtati waqt il-massimu tal-pandemija fil-pajjiż.
//= $special ?>