Internazzjonali

Coronavirus: Il-gwerra kontra l-pandemija qed tkompli, iżda aktar pajjiżi qegħdin jimplimentaw l-istrateġiji biex joħorġu mil-lockdown

Filwaqt li l-mejtin mill-coronavirus issa qabżu sew il-150,000 fuq livell globali, illum hemm anki ’l fuq minn 4.5 biljuni li qed ikollhom jgħixu taħt sistemi tal-lockdown biex il-pandemija ma tibqax tinfirex b’mod daqshekk devastanti.

Ġimgħat sħaħ wara li kienu rappurtati l-ewwel imwiet mill-coronavirus fl-Ewropa, numru ta’ pajjiżi għadhom qed jinsistu bil-ħtieġa tal-lockdown – iżda hu minnu wkoll li pajjiżi oħra qegħdin inaqqsu mir-restrizzjonijiet wara ġimgħat ta’ tensjoni u inċertezza.

Għalkemm ir-Renju Unit, Franza u pajjiżi oħrajn jemmnu li għadu kmieni wisq biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies, id-Danimarka hi fost il-pajjiżi li ħejjew strateġiji biex joħorġu mil-lockdown.

Fil-fatt, id-Danimarka hi waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej li diġà bdew ineħħu r-restrizzjonijiet, bl-iskejjel primarji jinsabu miftuħin u bin-negozji ż-żgħar, inklużi l-hairdressers qegħdin jiftħu mill-ġdid ukoll.

Il-Polonja wkoll qed tneħħi l-miżuri tal-lockdown b’mod gradwali, bil-ħwienet, issa, qegħdin jiftħu mill-ġdid il-bibien tagħhom.

Dan meta l-Ġermanja qed tippermetti li jiftħu l-ħwienet fuq spazju ta’ mill-anqas 800 metru kwadru – bil-permess jingħata wkoll lid-dealers tal-karozzi kif ukoll lill-ħwienet tar-roti.

Fir-Renju Unit, fejn il-membri tal-Familja Rjali u ċ-ċittadini għadhom marbutin bil-lockdown, ir-Reġina Eliżabetta talbet biex għada – u fid-dawl taċ-ċirkustanzi – ma jkun hemm l-ebda sparar ta’ kanuni bħala salut għal għeluq sninha.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ewlieni tal-Gvern, Michael Gove, fl-aħħar sigħat, ammetta li l-Gvern tiegħu żbalja fil-mod kif kien qed jitratta l-firxa tal-Covid-19 fil-pajjiż, bir-Renju Unit qed jistenna aktar mijiet ta’ mejtin fil-jiem li ġejjin.

Dan meta l-Gvern f’Londra għamilha ċara wkoll li ma tteħditx deċiżjoni dwar meta l-iskejjel tal-pajjiż jistgħu jerġgħu jiftħu.

Fl-Istati Uniti, sadanittant, baqgħu għaddejjin il-protesti kontra l-lockdown impost fid-diversi Stati minħabba l-coronavirus. Dan meta l-attivisti jemmnu li r-restrizzjonijiet għall-kontra l-pandemija qed ikunu eżaġerati u fejn, fost oħrajn, qed jispikkaw l-appelli biex il-miżuri ma jkunux daqstant riġidi.

Kuntrarju għal dan, l-Iran – l-għadu qalil tal-Istati Uniti – sar l-aħħar pajjiż li naqqas ir-restrizzjonijiet għall-coronavirus.

L-Iran  qed jippermetti biex, mill-bidu tal-ġimgħa, jinfetħu mill-ġdid il-bazaars u l-kumplessi kummerċjali fejn is-sogru ta’ infezzjoni ikun meqjus ‘fuq livell żgħir jew medju’. L-Uffiċjali lokali qed jgħidu li mietu aktar minn 5,000 bil-coronavirus fl-Iran, iżda hemm ukoll indikazzjonijiet l-vera ċifra tista’ tkun bil-wisq ogħla.