Coronavirus Futbol Sport

Dan is-sajf se naraw inqas trasferimenti mis-soltu?

(Ritratt: Premierleague.com)

Minkejja li bħalissa l-futbol madwar id-dinja jinsab sospiż, l-ispekulazzjonijiet dwar it-trasferimenti ta’ xi plejers ma naqasx u hekk kif qed joqrob il-bidu tas-suq tat-trasferimenti, minkejja li d-data preċiża għadha mhix konfermata tqum il-mistoqsija jekk it-timijiet għandhomx biżżejjed finanzi biex jagħmlu l-akkwisti tagħhom.

Damien Comolli, il-persuna li għal numru ta’ snin kienet repsonsabbli mis-suq tat-trasferimenti ta’ Liverpool u Tottenham qal li dan is-sajf se naraw tnaqqis qawwi f’dawk li huma trasferimenti. Dan minħabba l-impatt finanzjarju negattiv li l-pandemija tal-coronavirus qed tħalli fuq il-klabbs amdwar l-Ewropa. Meta intervistat mill-midja internazzjonali, Comolli qal li dan is-sajf se naraw ħafna plejers li jiġu imparta u oħrajn li jiġu akkwistati b’self.

Comolli żied li tliet klabbs biss mill-Premier League se jkollhom biżżejjed flus biex ikunu jistgħu jakkwistaw xi plejers dan is-sajf. Il-kowċ ta’ Manchester United, Ole Gunnar Solskjaer qal li t-tim tiegħu se jkun attiv fis-suq tat-trasferimenti li ġej.