Il-Partit Nazzjonalista ma jippermetti qatt li jintilfu l-ħajjiet, iżda mhux lest jiftaħ il-bibien bl-addoċċ għall-barranin kif għamel il-Gvern Laburista fl-aħħar snin bl-iskuża tal-Ekonomija. Dan meta għandna Prim Ministru li qed jagħżel il-firda minflok ma naħdmu flimkien quddiem l-isfida tal-Coronavirus daqskemm l-isfida tal-immigrazzjoni.
Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-intervista tal-Ħadd, li xxandret fuq NET Television u NET FM, immexxija mill-ġurnalist Dione Borg. F’ċirkostanzi delikati bħal dawk li qed naffacjaw bħalissa, il-Prim Ministru qed jagħżel b’mod deliberat li jkompli jitfa’ l-fuel fuq in-nar li jġib miegħu r-razziżmu.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-membri fil-Korp tal-Pulizija u l-Armata għall-impenn kontinwu tagħhom, filwaqt li jikkritika l-mod kif qed jinħarġulhom l-ordnijiet mis-superjuri tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Laburista qed jilgħab biss il-logħba politika, fost l-oħrajn anke billi ma qalx il-verità meta qal li l-Oppożizzjoni qed tattakka lill-membri tal-Armata.
Adrian Delia tenna l-kritika għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti €260 miljun lill-barranin flimkien ma’ tliet sptarijiet pubbliċi. Dan meta, f’din is-sitwazzjoni medika, u li kieku l-Gvern aġixxa mod ieħor, kien ikollna biżżejjed sodod mingħajr il-ħtieġa ta’ pre-fabricated hospitals, fl-istess waqt li Robert Abela nnifsu kien il-Konsulent tal-eks Prim Ministru Muscat fil-Kabinett.
Iżda fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista qed itenni l-impenn tiegħu li jibqa’ Oppożizzjoni kostruttiva, minflok waħda li tikkritika biss. U dan qed isir anke billi jkompli bil-laqgħat li ilu jagħmel mal-għaqdiet kollha li b’xi mod qed jintlaqtu mill-isfidi li ġab miegħu l-Coronavirus.
Adrian Delia qal li mhux aċċettabbli lanqas li l-Prim Ministru jattakka lis-Soċjetà Ċivili għax tikkritikah, li kompla li f’isem il-pajjiż kollu, għandha dritt tikkritika lill-politiċi bħalma, fil-passat, ikkritikat lilu wkoll.
//= $special ?>