Robert Abela intervistat minn preżentatriċi tax-Xandir Nazzjonali fuq il-Media Laburista
Il-Ħadd filgħodu, fuq il-media tal-Partit tiegħu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela nfexx f’attakk partiġġjan kontra l-Oppożizzjoni, fejn tenna diskors ta’ firda f’dan il-mument delikat għal pajjiżna.
Fil-fatt, Robert Abela akkuża lill-Oppożizzjoni li qed tiprova tbeżża’ lill-Forzi Armati ta’ Malta, għalkemm fis-sigħat li għaddew, din l-akkuża kienet diġà miċħuda mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Id-diskors partiġġjan tal-Mexxej Laburista jistona mal-fatt li hu stess qal kemm-il darba li dan mhux il-mument ta’ daqqiet politiċi. F’dik li dehret bħala mossa biex jilgħab bl-emozzjonijiet, hu reġa’ pprova jdawwar il-pożizzjoni li ħa l-Partit Nazzjonalista sa mill-bidunett.
U minflok tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-kriżi pandemika attwali, hu saħansitra nfexx f’attakk kontra l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi għax qal li kieku kien minfloku, kien jagħti l-għajnuna lil dawk fil-bżonn.
Dan filwaqt li Robert Abela għal darb’oħra kompla jinsisti b’diskors partiġġjan fejn sostna li l-Partit Nazzjonalista b’xi mod qed jagħti x’jifem li huwa kontra l-Forzi Armati ta’ Malta liema stqarrija l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ċaħada u sostna li l-Prim Ministru qed jiprova jdawwar sitwazzjoni sensittiva f’waħda partiġġjana biex jostakola milli ssir investigazzjoni.
Fl-istess waqt, Robert Abela qal li l-immigranti irregolari jgawdu mis-simpatija tiegħu, bl-Oppożizzjoni Nazzjonalista tgħid li l-pożizzjoni tagħha hi ċara – jiġifieri li m’għandux ikun permess li tintilef l-ebda ħajja, filwaqt li min ma ħaqqux ażil għandu jintbagħat lura minnufih u tiħrax il-pożizzjoni mat-traffikanti tal-bnedmin.
Sadanittant, Robert Abela qal ukoll li l-Gvern irnexxielu jsalva l-impjiegi, fl-istess ġimgħa li sar magħruf li bdoti li ilhom għexieren ta’ snin jaħdmu mal-Air Malta se jispiċċaw bla impjieg u madwar 800 ħaddiem ingħata s-sensja fl-ewwel jiem tal-kriżi tal-Coronavirus.
Hu qal dan kollu f’intervista li saritlu minn preżentatriċi ewlenija fuq ix-Xandir tal-Istat, li anke hi sabet il-waqt tgħaddi kummenti partiġġjani fid-domandi tagħha lill-Mexxej Laburista.
Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija fejn spjega kif Robert Abela l-ewwel jippriedka dwar l-għaqda nazzjonali imbagħad b’mod mill-iżjed qarrieqi qed jagħżel li jifred lin-nies fi żmien meta bħala poplu għandna nkunu magħqudin biex flimkien negħlbu l-kriżi bl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.
Għal darb’oħra Robert Abela reġa’ uża l-virus u l-isfidi relatati mal-immigrazzjoni biex iqajjmu sentimenti ta’ biża u dubju fost in-nies, meta qal li l-Oppożizzjoni rrappurtat lilu u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, meta jaf għax hu stess huwa avukat, li din il-kawża infetħet f’isem is-soċjetà ċivili.
Il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jaċċetta li f’soċjetà demokratika jsiru attakki kontra avukati, jkunu min ikunu, li jaġixxu għan-nom tal-klijenti tagħhom. Wisq anqas ma nistgħu naccettaw li kwistjoni daqstant sensittiva bħall-immigrazzjoni, tiddawwar f’ballun politiku minn Robert Abela kontra l-għaqda nazzjonali. Robert Abela qed jagħżel li jattakka lil min jikkritikah u juża l-istazzjon nazzjonali biex jipprova jikkontrolla lill-poplu.
