Coronavirus Futbol Sport

Is-sid ta’ Brighton jisħaq li l-ebda tim m’għandu jkun relegat jekk il-kampjonat ma jitkompliex

(Ritratt: EPA)

Is-sid tat-tim mill-Premier League Brighton and Hove Albion, Tony Bloom qal li l-ebda tim m’għandu jiġi relegat jekk il-kampjonat Ingliż ma jitkompliex minħabba l-imxija tal-coronavirus. Bloom żied jgħid li tkun sitwazzjoni diffiċli għal dak il-klabb li jkun relegat mill-Premier League. Dan minħabba li r-relegazzjoni tkun tfisser telf finanzjarju ta’ €92 miljun.

Nhar il-Ġimgħa t-timijiet kollha tal-Premier League iltaqgħu f’laqgħa li saret online fejn fost l-oħrajn kienu diskussi l-possibilitajiet dwar kif il-kampjonat jista’ jintemm. Qabel ma twaqqaf il-kampjonat fit-13 ta’ Marzu, Brighton kienu jinsabu żewġ punt l-bogħod miż-żona relegazzjoni b’disa logħbiet x’ jintlagħbu.

Iktar tard matul il-jum Brighton ħabbru li l-ground tagħhom se jkun qiegħed jintuża bħala post fejn isiru t-testijiet tal-coronavirus għan-Nofsinhar tal-Ingilterra. Iċ-chief executive, Paul Barber qal li l-Amex Stadium se jkun l-akbar post fejn isiru t-testijiet fin-Nofsinhar tal-Ingilterra bl-għan jkun li jsiru mal-elf test kuljum.