Żdiedu l-prospetti li dan il-pajjiż ikollu jgħaddi minn raba’ elezzjoni ġenerali fi ftit aktar minn sena, wara li skada d-deadline għall-formazzjoni ta’ Gvern ġdid. B’hekk, l-Iżraeljani qed jiffaċċjaw sitwazzjoni bla preċedent meta pajjiżhom jinsab fi kriżi politika wara tliet elezzjonijiet inkonklussivi.
Il-President Iżraeljan, Reuven Rivlin, issa għadda l-mandat għall-formazzjoni ta’ Gvern lill-Parlament wara li Benny Gantz, il-Kap tal-entità taċ-ċentru-xellug, naqas milli jikkonkludi taħditiet biex jifforma Gvern Iżraeljan għall-Għaqda, fiż-żmien stipulat mill-Kostituzzjoni.
F’każ li ħadd ma jkun innominat biex jifforma Gvern fi żmien anqas minn 20 jum, Iżrael ikollu jipprepara għal raba’ rawnd ta’ elezzjonijiet li jridu jsiru sal-4 ta’ Awwissu.
Għalkemm, fl-aħħar elezzjonijiet, il-Partit Likud tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu kien rebaħ aktar siġġijiet mill-Partit Blu u Abjad ta’ Gantz, il-maġġoranza tad-deputati fil-Parlament Iżraeljan kienu appoġġjaw xorta lil Gantz u tawh mandat biex jifforma Gvern.
Madankollu, Gantz falla fit-tentattivi lejn koalizzjoni u, maż-żmien, qabel li jissieħeb f’taħditiet għal Gvern ta’ għaqda flimkien ma’ Netanyahu.
Iżda minkejja l-jiem ta’ negozjati konsekuttivi, in-naħat rispettivi baqgħu ma laħqux ftehim – anki jekk ħarġu stqarrija komuni fis-sens li t-taħditiet għandhom ikomplu għaddejjin fil-jiem li jmiss.
//= $special ?>