Lokali

L-Air Malta deċiża li nhar it-Tlieta tkeċċi 80% tal-bdoti

Ritratt: Matthew Tabone

Il-kumpanija ttemm ħesrem id-diskussjonijiet mal-ALPA

L-Air Malta temmet ħesrem id-diskussjonijiet mal-bdoti tagħha u kollox qed jindika li issa rtirat ukoll l-offerta li tintaqsilhom il-paga. B’hekk il-linja tal-ajru nazzjonali tidher deċiża li tkeċċi 80% tal-bdoti sa nhar it-Tlieta.

Dan kollu wara l-Assoċjazzjoni tal-Bdoti tal-Air Malta aktar kmieni din il-ġimgħa informat lill-bdoti li l-management tal-Air Malta ried ikeċċi 108 minnhom mill-aktar fis milli jagħżel li jistenna t-tletin jum kif inhu rikjest mil-liġi.

Dan fid-dawl li nhar il-Ġimgħa l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri akkuża lill-ALPA b’tentattiv ta’ hijack fuq l-Air Malta. Skont Schembri, kien hemm min fost il-bodit li privatament aċċetta li jingħatalu s-salarju ta’ €1,200 – madanakollu issa kelliem għal-linja tal-ajru ta x’jifhem li din l-offerta m’għadhiex disponibbli.

Dan intqal mal-ġurnal Times of Malta fejn ġie spjegat li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-ALPA rrifjutat l-offerti li ngħataw.

L-Unjin tal-bdoti qed tisħaq li t-tnaqqis fis-salarju għandu jkun wieħed ġust f’kull settur tal-kumpanija hekk kif qed targumenta li t-tnaqqis fil-paga tas-senior management huwa ħafna nqas minn dak propost lill-bdoti.

“L-ebda linja tal-ajru ma tista’ tibqa’ topera wara li tkeċċi lil dawn il-bdoti kollha”

Bdot li tkellem ma’ The Sunday Times of Malta saħaq li l-linja tal-ajru nazzjonali ma kienet qed toffri l-ebda garanzija li xogħolhom ser jibqa’ sigur u għaldaqstant saħaq li ma jistax ikun li jibqgħu għal dan iż-żmien kollu fuq paga baxxa – l-għaliex huma għandhom familji xi jmantnu wkoll.

Dan filwaqt li saħaq li l-ebda linja tal-ajru fid-dinja ma tista’ topera wara li tgħaddi l-kriżi tal-Covid-19 bl-ammont ta’ kaptani tal-ajru li ser tibqa’ tħaddem l-Air Malta.

Dan il-bdot sostna wkoll li ċertu kummenti li l-bdoti huma xufiera tal-linja glorifikati huwa insult kbir l-għaliex ir-responsabilitajiet u t-teknika li ta’ kuljum tinxteħet fuq spallithom hija enormi, apparti l-ispiża li tlaħħaq mat-€80,000 li joħorġu minn buthom wara snin ta’ taħriġ f’xogħolhom.