Iktar minn 260 miljun insara ortodossi iċċelebraw l-Għid il-Kbir taħt kundizzjonijiet ta’ lockdown bil-kleru u l-mexxejja jħeġġu lill-fidili biex ifakkru l-festa fi djarhom bil-għan li jitrażżan it-tixrid tal-Coronavirus.
L-Ortodossi jiċċelebraw l-Għid ġimgħa wara l-Kattoliċi u l-Protestanti minħabba li jsegwu kalendarju differenti. L-ikbar kongregazzjonijiet tal-Knisja Ortodossa jinsabu fir-Russja, il-Lvant tal-Ewropa, il-Balkani, it-Turkija, Greċja u Ċipru kif ukoll minoranzi mdaqqsa li jmorru lura għal mijiet ta’ snin f’numru ta’ pajjiżi Għarab u Afrikani bħall-Eġittu, is-Sirja, l-Iraq u l-Etjopja.
Iċ-Ċerimonja tal-Fjamma Eterna li ssir fil-Knisja tas-Sepulkru Qaddis f’Ġerusalemm fil-Vġili tal-Għid saret wara bibien magħluqa bl-attendenza ta’ numru żgħir ta’ ċelebranti. Skont it-tradizzjoni, din il-fjamma tinġarr lejn il-pajjiżi kollha ta’ fidi Ortodossa madwar id-dinja.
Fl-Ewropa: il-vittmi jlaħħqu l-100,000
Sadanittant, il-Covid-19 ikompli jħalli iktar vittmi hekk kif in-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom fl-Ewropa biss qed iqarreb il-100,000. Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez qal li l-Gvern se jmur għand il-Parlament biex jitlob estensjoni oħra ta’ ġimgħatejn għall-lockdown sad-9 ta’ Mejju.Franza tirrapporta 642 persuna oħra tilfu ħajjithom biex issa, in-numru ta’ vittmi fil-pajjiż qabeż id-19,300.
888 tilfu ħajjithom fl-aħħar siegħat fir-Renju Unit bin-numru ta’ vittmi jaqbeż 15,400.
U fl-Istati Uniti, il-President Donald Trump ħabbar li numru ta’ Stati, fosthom Texas u Vermont se jħallu ċertu negozji jerġgħu jiftħu segwiti minn Montana iktar tard il-ġimgħa d-dieħla.
//= $special ?>