Lokali

RITRATTI: Jittellgħu l-bnadar ta’ Malta f’unità nazzjonali kontra l-Covid-19

Fuq il-bjut, mat-twieqi, mal-gallariji…kull fejn tħares tara l-bandiera ta’ pajjiżna – il-bandiera ta’ Malta, tperper bajda u ħamra bi kburija, fi żmien meta n-nazzjon qed jaffaċja emerġenza medika li żgur ħadd minna qatt ma għex qabel.

Minn Għawdex saż-Żurrieq. Mill-Mosta sa Ħal Għaxaq. F’kull rokna tal-pajjiż, tul il-jum tal-Ħadd, dehru jittajru l-bnadar ta’ Malta b’sens ta’ apprezzament lejn dawk kollha li qed jaħdmu fl-isptarijiet tagħna – tobba, infermiera, carers, radjologisti, anestesisti, tal-ambulanzi, is-security, il-porters, il-professjonisti u l-impjegati kollha li jaħdmu fis-settur mediku.

Ebda distinzjoni bejn baned u każini, ebda distinzjoni ta’ kuluri – anzi, l-oppost…lewn wieħed li jgħaqqad.

Pajjiżna, isellem lil dawn il-ħaddiema li huma frontliners fil-ġlieda kontra l-Covid-19 u li ħafna minnhom ilhom ġimgħat sħaħ maqtugħin mill-qraba tagħhom sabiex jibqgħu joffru l-ahjar servizz.

U min m’għandux arblu fuq il-bejt, waħħal bandiera ta’ Malta mal-gallarija.

Filwaqt illi kien hemm diversi tfal li għamlu tpinġijiet bil-kuluri tal-bandiera Maltija, u li dawn waħħluhom mat-twieqi…bit-toroq jilbsu l-ilwien tal-bandiera nazzjonali tagħna. Kuraġġ Malta – flimkien, negħlbu din l-isfida.