Lokali

Żagħżugħ jaħbat f’vettura tal-Pulizija waqt li kien qed jiġi segwit minħabba traffikar ta’ droga

Il-każ seħħ ilbieraħ fil-11:30pm. bl-operazzjoni mwettqa mill-Pulizija tal-Iskwadra ta' Kontra d-Droga u mill-RIU.

Żagħżugħ ta’ 20 sena ġie arrestat wara li pprova jaħrab mill-Pulizija wara li kien qed jiġi segwit dwar traffikar ta’ droga.

Il-każ seħħ fi Triq ix-Xatt, il-Kalkara.

Il-Pulizija għalqu t-triq sabiex ikunu jistgħu jikkonfrontaw u jagħmlu t-tiftix neċessarju tagħhom taż-żgħażugħ, iżda ż-żgħażugħ saq il-vettura, tal-għamla Toyota Corsa, għal fuq waħda mill-vetturi tal-Pulizija bil-konsegwenza li Kuntistabbli tal-Pulizija sofra xi ġrieħi.

Ix-xufier ħareġ mill-karozza u telaq jiġri direzzjoni lejn il-Kalkara fejn ikkawża xi ħsara fuq vettura oħra tal-Pulizija,

Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tal-RIU segwewh, qabduh u arrestawh minnufih.

Mit-tfittxija li saret fuq iż-żgħażugħ instabu sustanzi illegali supsettati kokaina u eroina. Mill-istħarriġ li sar irriżulta wkoll illi ż-żgħażugħ ma kellux liċenzja tal-karozza u l-liċenzja tal-vettura kienet skaduta.

Il-Kuntistabbli kellu jittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Raħal Ġdid fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Iskawdra ta’ Kontra d-Droga u tad-Distrett ta’ Bormla. Iż-żagħżugħ mistenni jitressaq il-Qorti illum għall-ħabta tal-12pm quddiem il-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit LL.D.