20 TA’ APRIL 2003
Bħal-lum sbatax-il sena ilu kienet ġurnata emozzjonanti għall-familja tal-Formula 1 b’mod partikolari għall-familja Schumacher. Proprju ftit sigħat qabel il-Grand Prix fiċ-ċirkwit ta’ Imola, mietet fl-età ta’ 55 sena Elisabeth, omm Michael u Ralf Schumacher. Fil-provi uffiċjali tas-Sibt, Michael Schumacher fuq Ferrari kiseb il-pole position, b’ħuh Ralf itemm it-tieni fuq Williams. Wara s-sessjoni, iż-żewġ sewwieqa marru Cologne fil-Ġermanja fejn isellmu lill-ommhom għall-aħħar darba.
B’deċiżjoni tagħhom, iż-żewġ sewwieqa xorta riedu li jtellqu. Fil-ftuħ tat-tellieqa, Ralf Schumacher qabeż lil Michael Schumacher u dam fuq quddiem għall-ewwel 16-il dawra fejn iddefenda mhux ftit il-pressjoni ta’ ħuh. It-tattika ta’ Ferrari fil-pit stops ħalliet l-effett tagħha, bil-Ġermaniż ta’ Ferrari u sieħbu Rubens Barrichello jmorru fuq quddiem.
Michael Schumacher ikkontrolla l-vantaġġ minimu fuq is-sewwieq ta’ McLaren Kimi Raikkonen biex kiseb l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li fl-ewwel tliet tlielaq tal-istaġun lanqas spiċċa fuq il-podju. Din kienet il-65 rebħa fil-karriera għal Schumacher u l-160 rebħa ta’ Ferrari. Ralf Schumacher temm it-tellieqa fir-raba’ post wara li nqabeż minn Barrichello fit-52 dawra.
Wara t-tellieqa, Schumacher baqa’ bl-elmu f’rasu hekk kif il-Kap ta’ Ferrari Jean Todt skortah mill-pit lane. Kien hemm ukoll inċertezza jekk Schumacher kienx se jitla’ fuq il-podju iżda ddeċieda li xorta jkun preżenti Waqt id-daqq tal-innijiet tal-Ġermanja u l-Italja, Schumacher deher viżibbilment emozzjonat u pprova jżomm milli jibki. Wara li ġie ppreżentat bit-trofew, Schumacher ma ċċelebrax u ħalla x-xampanja fejn kienet, b’Raikkonen u Barrichello juru sinjal ta’ rispett ukoll u ma ċċelebrawx.
Din kienet il-ħames sena konsekuttiva li l-kunjom Schumacher ħareġ rebbieħ fil-Grand Prix ta’ San Marino. Is-sewwieq ta’ Ferrari ħareġ rebbieħ fl-1999, l-2000, l-2002 u l-2003, b’Ralf jikseb l-ewwel rebħa fil-karriera fl-2001. Fil-konferenza stampa ta’ wara, Jean Todt kien preżenti fin-nuqqas ta’ Michael Schumacher. Il-Franċiż qal li dakinhar Schumacher wera verament x’tip ta’ bniedem hu u żied li hi ħasra li kultant in-nies ma jagħrfux x’tip ta’ bniedem hu. Id-deċiżjoni li l-aħwa jieħdu sehem fit-tellieqa kienet ibbażata fuq il-fatt li ħassew li d-dmir tagħhom lejn ommhom għamluh meta kienu ħdejha fil-mument tal-mewt.
//= $special ?>