20 TA’ APRIL 1996
Ir-rebħa ta’ 3-0 kontra St. Patrick bħal-lum 24 sena ilu, fissret li Sliema aċċertaw matematikament mir-rebħ ta’ 23 kampjonat fl-istorja tagħhom. Dan il-kampjonat kien l-ewwel wieħed taħt il-Presidenza ta’ Robert Arrigo kif ukoll l-ewwel wieħed wara nuqqas ta’ seba’ snin.
Il-kampjonat kien diffiċli fil-bidu għalihom hekk kif Valletta kienu rebħu l-ewwel seba’ logħbiet u bnew vantaġġ ta’ seba’ punti. Iżda filwaqt li Valletta ma żammewx il-konsistenza, Sliema bdew juru aktar karattru fil-logħob tagħhom, anki meta tilfu plejers bħal Mark Miller, Carmel Busuttil u Sandro Zammit Fava, bl-aħħar tnejn ikunu mas-sostituti f’din il-logħba.
Fil-bidu ta’ Marzu tal-1996, Sliema Wanderers rebħu 2-1 fil-konfront dirett kontra Valletta f’logħba li sal-ewwel taqsima kienu gowl u plejer minn taħt. Dik ir-rebħa wittiet it-triq għar-rebħ tal-kampjonat hekk kif qabel l-aħħar logħba kellhom erba’ punti vantaġġ fuq il-Beltin.
Fil-logħba kontra ż-Żabbarin, Sliema ħadu l-kmand tal-logħba mill-bidu. Huma fetħu l-iskor fit-22 minuta meta minn korner ta’ Hubert Suda, kien ALDRIN MUSCAT li b’daqqa ta’ ras mill-qrib għeleb lil Simon Grech. L-attakkant ALDRIN MUSCAT irdoppja l-vantaġġ fil-35 minuta b’xutt fil-baxx għar-rokna wara li kien irċieva mingħand ix-xellugi Karl Bonnici.
Għalkemm naqqsu r-ritmu, Sliema xorta baqgħu jiddominaw. Huma serrħu rashom mir-rebħa fil-71 minuta, bis-sostitut ANTHONY GALEA jevita żewġ plejers u qabbeż il-ballun fuq il-gowlkiper avversarju. It-tmiem tal-logħba fissret li Sliema saru champions filwaqt li St. Patrick ġew relegati wara staġun fil-Kampjonat Premier. Fuq in-naħa Slimiża, ferħ u briju mill-plejers u uffiċjali mal-partitarji tagħhom.
//= $special ?>