San-nofsiegħa ta’ waranofsinhar tal-lum fiequ 8 persuni oħra mill-Covid-19 f’pajjiżna. L-ammont totali ta’ persuni li fiequ minn din l-imxija issa tela’ għal 126.
Intant fl-aħħar 24 siegħa saru 574 swab test. Il-Professur Charmaine Gauci hawnhekk mill-ġdid saħqet biex il-persuni li jibbukjaw biex jagħmlu t-test, ma jiddejqux u ma jibżgħux imorru jagħmlu dan it-test.
Minn dawk li għamlu t-test fl-aħħar sigħat irriżultaw erba’ każijiet pożittivi ta’ Covid-19. It-total ta’ każijiet f’Malta issa tela’ għal 431.
Intant l-4 każi ġodda huma raġel ta’ 59 sena li ma jaħdimx u l-unika kuntatti li kellu kienu mal-familja tiegħu. It-tliet każijiet l-oħra nstabu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. Is-Supridentent tas-Saħħa Pubblika qalet li dawn huma żagħżugħ ta’ 24 mill-Marokk, ieħor mis-Somalja u ieħor ta’ 18-il sena mis-Sudan. Il-każijiet minn dan iċ-Ċentru huma dawk ta’ 38 persuna.
In-numru ta’ każijiet attivi ta’ persuni bil-Covid-19 f’Malta huwa dak ta’ 302.
//= $special ?>