Coronavirus Futbol Sport

Arsenal isiru l-ewwel klabb tal-Premier League li jilħaq ftehim biex inaqqas is-salarji tal-plejers

(Ritratt: EPA)

Arsenal saru l-ewwel klabb tal-Premier League li ħabbar tnaqqis fis-salarji tal-plejers u l-istaff tekniku. Southampton u West Ham qablu t-tnejn li jipposponu s-salarji tal-plejers filwaqt li l-plejers ta’ Chelsea jidher li se jnaqqsu s-salarju b’10%.

Fi stqarrija, Arsenal qalu li d-diskussjonijiet kienu pożittivi u kostruttivi. Huma sejħu l-qbil bħala apprezzament ċar mill-plejers tal-gravità tas-sitwazzjoni tal-coronavirus. It-tnaqqis hu ta’ 12.5% b’effett minn dan ix-xahar, bil-ħidma amministrattiva mistennija tiġi konkluża fil-jiem li ġejjin.

Arsenal qalu wkoll li jekk jilħqu l-miri speċifiċi fil-pitch fl-istaġuni li jmiss, il-klabb qabel li jerġa’ jħallas dawn l-ammonti. Dan il-ftehim hu bbażat fuq il-ħsieb li dan l-istaġun jispiċċa. Dawn is-salarji li se jiffrankaw se jgħinu lill-klabb biex ikopri ftit mir-riskji finanzjarji marbuta mad-dħul kummerċjali.