Coronavirus Formula 1 Sport

Ċans li jsiru żewġ tlielaq tal-Formula 1 fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone

(Ritratt: EPA)

Il-kap taċ-ċirkwit ta’ Silverstone Stuart Pringle qal li huma lesti li jorganizzaw żewġ tlielaq konsekuttivi f’Silverstone mingħajr spettaturi biex jgħinu lill-Formula 1 tissielet kontra l-kriżi tal-coronavirus. Il-Grand Prix tar-Renju Unit bħalissa hu t-tielet wieħed fil-kalendarju fid-19 ta’ Lulju wara t-tlielaq ta’ Franza u l-Awstrija. Il-Formula 1 qed tittama li tibda l-istaġun fl-Ewropa u fis-sajf, b’kalendarju aġġornat li jista’ jibqa’ sejjer sa Jannar.

Sa issa l-ebda ċirkwit qatt ma organizza żewġ tlielaq konsekuttivi. Filwaqt li xi pajjiżi qed jibdew ineħħu xi kundizzjonijiet tal-lockdown, avvenimenti tal-massa huma mistennija li jibqgħu sospiżi għalissa. Fil-preżent, kull tellieqa ġiet posposta jew ikkanċellata. Il-Grand Prix ta’ Franza fiċ-ċirkwit ta’ Le Castellet fit-28 ta’ Ġunju wkoll hi mistennija li tkun posposta. Jekk dan iseħħ, il-Grand Prix li jmiss tkun tal-Awstrija fil-5 ta’ Lulju.