Internazzjonali

Coronavirus: Pajjiżi jnaqqsu l-miżuri tal-lockdown –bl-infezzjonijiet madwar id-dinja jaqbżu t-2.4 miljuni

epa08234509 An exterior view of the San Biagio and Santa Maria Immacolata church in the city of Codogno, northern Italy, 21 February 2020. Lombardy health councilor Giulio Gallera urged residents of Codogno to stay at home and avoid social contact after the first six people have been infected with the coronavirus in Italy, all in the region of Lombardy. Gallera added that some 250 people had been placed in isolation and would be tested for the deadly virus. Authorities are trying to establish whether the second batch of three cases were linked to an initial trio in Lodi, northern Italy. EPA-EFE/ANDREA FASANI

Numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa bdew inaqqsu l-miżuri tal-lockdown iżda ammont sostanzjali ta’ uffiċjali tas-saħħa baqgħu jinsistu li l-pandemija għadha ‘il bogħod mit-tmiem tagħha.

Dan meta kienu konfermati ‘il fuq minn 2.4 miljun infezzjoni madwar id-dinja, b’aktar minn 165,000 mewta mill-effetti tal-coronavirus fuq livell globali.

Spanja kienet fost l-ewwel pajjiżi li llum aġġornaw iċ-ċifri , bl-infezzjonijiet f’artha jiżdiedu għal aktar minn 200,000 – b’400 mewta oħra jkunu rappurtati f’perjodu ta’ 24 siegħa  għal total nazzjonali ta’ 20,852. Spanja għandha t-tieni l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus fid-dinja wara l-Istati Uniti. Dan meta Spanja mgħandha l-ebda pjani biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ lockdown.

Madankollu, qegħdin jonqsu r-restrizzjonijiet madwar l-Ewropa, bil-Ġermanja tiftaħ mill-ġdid numru ta’ stabbilimenti kummerċjali u bit-tfal jirritornaw fil-kumplessi tal-kindergarten fin-Norveġja. Il-Polonja qed tippermetti li n-nies jerġgħu jżuru l-parks u l-foresti waqt li fid-Danimarka, id-dentisti, hairdressers u tattoo-parlours mill-ġdid qegħdin joffru s-servizzi lill-klijenti rispettivi.

Ir-Repubblika Ċeka qed tippermetti li xi swieq u negozji żgħar jiftħu għal darba’ oħra, bl-awtoritajiet lokali jieħdu l-ewwel passi fi pjan – imqassam fuq ħames fażi – għal ritorn lejn ħajja anqas restrittiva. Is-swieq tal-bdiewa, l-ażjendi li jbiegħu l-karozzi u intrapriżi oħra qed jiftħu mill-ġdid f’dan il-pajjiż – li kien fost l-ewwel li introduċa l-lockdown fl-Ewropa – għall-ewwel darba mit-12 ta’ Marzu.

Il-Prim Ministru ta’ Franza Edouard Philippe insista li l-kriżi ‘għadha preżenti’ f’pajjiżu fejn iċ-ċifra tal-mewt avviċinat l-20,000. Mistenni li fi Franza dalwaqt issir mandatorja li n-nies jilbsu l-maskli tal-wiċċ huma u jużaw it-trasport pubbliku – bil-Gvern qed jaħseb biex jissupplixxi l-maskli lill-Franċiżi kollha li għandhom bżonnhom.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, sadanittant, hu kawt ħafna dwar il-possibbiltà li jitneħħa l-lockdown f’pajjiżu.

Il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn laqgħa bejnu u s-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab ( li qed imexxi l-pajjiż proviżorjament waqt li Johnson jirkupra mill-effetti tal-Covid-19) jindika li l-lockdown għandu jibqa’ għaż-żmien kollu neċessarju biex il-pajjiż jevita tieni mewġa potenzjali tal-coronavirus.

Ftit tal-ħin ilu daħlu rapporti li mietu 449 oħra bil-coronavirus fl-isptarijiet tar-Renju Unit fuq perjodu ta’ 24 siegħa. Dan ifisser li l-imwiet fl-isptar mill-Covid-19 issa laħħqu s-16,509. Iċ-ċifri tal-imwiet ta’ kuljum minn dan il-pajjiż ma jinkludux vittmi qalb il-komunità — inklużi n-nies li qed imutu fid-djar tal-anzjani u għal persuni bi bżonnijiet speċjali.