– David Thake, PN
Id-deputat Nazzjonalista David Thake appella lill-Gvern biex ma jibqax għaddej gaffa minn fuq ir-regoli ambjentali tal-pajjiż.
Fil-parlament David Thake qal li l-Oppożizzjoni hi favur l-użu ta’ mezzi elettroniċi fix-xogħol u sostna li Gvern Laburista ta l-impressjoni li l-ambjent hu aspett sekondarju wara l-kostruzzjoni. Ir-regoli tal-logħba huma żbilanċjati favur min għadu l-flus fejn oġġezzjonijiet validi għal proġetti jiġu injorati.
L-istess Gvern jgħaddi qisu gaffaminn fuq ir-regoli ambjentali; tant li l-ministri jgħaddu t-toroq mingħajr il-permessi meħtieġa. Il-Ministru għall-Ambjent għandu jiġġieled kontra gvern li jgħaddi bħal gaffa minn fuq regoli tal-ippjanar tiegħu stess.
David Thake semma’ r-rimi ta’ skart fl-Imtaħleb u qal li minkejja l-ordnijiet ta’ infurzar dan l-abbuż baqa’ għaddej. Għandu jkun hemm konsegwenzi ħorox biex il-pajjiż ma jibqax f’dan l-istat u għandhom jittieħdu azzjonijiet pożittivi biex ikunu protetti l-widien u l-bajjiet.
Hu semma’ l-ambaxxata Ċiniza li se tinbena f’Pemboroke u staqsa jekk Malta għandhiex bżonn ambaxxata Ċiniża ta’ dak id-daqs. Jeħtieġ li fil-pajjiż ikun hawn iktar użu ta’ karozzi li jaħdmu bid-dawl iżda l-gvern fil-flotta ta’ karozzi tiegħu ftit għandu karozzi li jaħdmu bid-dawl.
David Thake kkritika lill-Ministru għall-Ambjent għax ix-xufier tiegħu jħalli l-air-conditioning tal-karozza mixgħul sakemm ikun qed jistennieh. Il-Ministru Farugia ċaħad din l-allegazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern għadu iffissat fuq it-toroq ġodda meta bi ftit pjanar u fix-xogħol mid-dar, il-ħinijiet tat-traffiku qawwi jistgħu jitnaqqsu.
David Thake appella biex ċertu ħatriet politiċi ma jibqgħux isiru.
//= $special ?>