Il-prezz internazzjonali taż-żejt nizel fil-livell li l-aħħar li rajnih fih kien fl-1999. Dan hekk kif issa, il-prezz ta’ barmil żejt waqa’ b’14%, u sar jiswa’ $15.65.
Il-prezz ħa din id-daqqa ‘l isfel kawża tal-Covid-19, hekk kif naqset b’mod drastiku d-domanda minn numru ta’ industriji.
Impjanti fl-Istati Uniti issa qed isibuha diffiċli biex jaħżnu ż-żejt minħabba l-ammonti kbar li għandhom.
Kmieni dan ix-xahar l-OPEC, l-Organizazzjoni ta’ dawk li jipproduċu ż-żejt, qalet li kien hemm tnaqqis ta’ 10% fl-użu taż-żejt; persentaġġ li fl-aħħar jiem kompla jiżdied.
Il-prezzijiet f’Malta mqabbla ma’ ta’ barra jibqgħu għolja
Fl-aħħar xhur f’pajjiżna kienu ħafna l-appelli biex il-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għar-residenzi u n-negozji f’dan il-perjodu ta’ sfidi, u kif ukoll biex iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel. Appelli li ġew ripetuti diversi drabi anke mill-Partit Nazzjonalista.
Iżda f’Malta, minħabba l-ftehim li sar mill-Gvern, it-tnaqqis fil-prezz taż-żejt mhux qed jirrifletti fil-prezz tal-kontijiet li qed nirċievu. Dan għaliex bħala pajjiż, kif kien ikkonferma wkoll il-Ministru tal-Finanzi, ma nistgħux naqbdu u nraħħsu minħabba li kollox jinsab kontrollat miċ-Ċiniżi.
Fost dawk milquta direttament, hemm familji u anzjani li bħalissa qed iqattgħu ħin twil id-dar, bil-konsum tagħhom jisplodi ‘l fuq.
Il-kontijiet għoljin tad-dawl u l-ilma qed jaffetwaw ukoll l-intrapriżi li għadhom miftuħin, u li diġà ħadu daqqa fin-negozju tagħhom.
Daqqa anki fuq is-settur tal-biedja
Settur li qed jiġi milqut, u li ftit jissemma’, huwa l-biedja. Uħud mill-bdiewa li tkellmu ma’ Net News qalulna li x-xogħol tagħhom xorta baqa’ għaddej għaliex iridu ilestu l-għelieqi tagħhom bil-prodotti tax-xhur li ġejjin, fosthom it-tadam. Allura anke l-bdiewa jridu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-fuel għall-inġenji li qed jużaw.
//= $special ?>