Futbol Sport

“Il-verżjoni tal-plejer hi totalment differenti mir-realtà” – Reuben Debono, President ta’ Senglea A.

“L-affarijiet ma ġrawx kif il-plejer iddeskrivihom lill-MFPA.” Kienet din id-dikjarazzjoni tal-President ta’ Senglea Athletic Reuben Debono waqt il-programm #stayhomereplay ippreżentat minn Christian Micallef. Madwar ġimagħtejn ilu, l-MFPA ħarġet stqarrija fejn tkellmet dwar każ ta’ plejer li kien se jispiċċa barra mid-dar tiegħu. Debono għażel li jitkellem fuq din is-sitwazzjoni billi jidentifika li kienu Senglea l-klabb tal-plejer. Fl-istess ħin hu ta l-verżjoni tal-klabb għaliex ħadd ma kellmu biex jagħti l-verżjoni tal-klabb.

Dan il-plejer li l-identità tiegħu mhix pubblika, wasal f’pajjiżna fl-aħħar ta’ Ottubru u wasal flimkien mas-sieħba tiegħu. Debono qal li hemm diġà nħolqot problema għaliex bħala klabb qatt ma jġibu plejers bin-nisa tagħhom minħabba li għandhom żewġ appartamenti ta’ erbat ikmamar u kull plejer ikollu kamra għalih. “Il-plejer ma riedx u ħallasnilu aħna biex imur f’lukanda, biex nurik li aħna l-plejers nieħdu ħsiebhom, kif wara kollox jagħmlu l-klabbs kollha. Hu dam ħmistax f’lukanda sakemm sibnilu flat għalih u bqajt inħallaslu jien,” kompla l-President ta’ Senglea.

Wara ġimgħa f’pajjiżna dan il-plejer weġġa’, bit-tabib u l-fiżjoterapist tagħhom jgħidilhom li fiżikament mhux tajjeb u ma jiflaħx logħba. Debono qal li sa Diċembru lanqas rah jilgħab kwarta iżda saħaq li dejjem ħallsuh u anki mar jiekol fi sponsors tal-klabb u jixtri f’supermarkets u jgħidilhom se jħallas il-klabb. Hu kompla li f’Jannar sabulu klabb tal-Ewwel Diviżjoni iżda ma riedx imur.

Kif faqqgħet il-kriżi tal-coronavirus, Reuben Debono qal li “jien personalment ma ridtx responsabbiltà ta’ plejers li allaħares qatt jimrad wieħed, jimirdu kollha għax joqogħdu ħdejn xulxin. Iddeċidejt bħala President u għidtilhom li jien nippreferi jekk titilqu. Inħallaskom sal-lum u nħallas il-biljett li ma kienx inkluż fil-kuntratt. Dan il-plejer ma riedx jitlaq u skont Debono, il-kuntratt tal-flat fejn joqgħod kien jiskadi fl-4 ta’ April. Minħabba li telqu l-maġġoranza tal-plejers, il-klabb qal lil dan il-plejer biex tal-anqas imur fil-flat li għandhom diġà mħallas u mhux jerġa’ jiġġedded kuntratt ieħor.

“Għidnilu jekk trid tibqa’ hemm hu ħsieb li tħallsu int l-appartament. Nixtiquh ma jibqax hawn bħala responsabbiltà, però imbagħad la ddeċieda li jibqa’ hawn, tal-anqas ‘play by the club rules’, għinna biċċa. Tal-anqas oħroġ waħdek, taffilna ftit l-ispejjeż.” Reuben Debono saħaq li bħala klabb u hu bħala President għandhom kuxjenza safja u żied li l-verżjoni tal-plejer hi totalment differenti mir-realtà.

L-intervista sħiħa tinsab fil-filmat ta’ taħt.