“Jekk id-deputati tal-Partit Laburista jħobbu lil Malta, għandhom iwaqqfu l-kuntratt tal-isptarijiet”.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia meta t-Tnejn filgħaxija kien intervistat fuq TVM waqt il-programm Realtà.
Matul il-programm, Adrian Delia insista li bħala l-avukat tal-gvern laburista, kien il-Prim Ministru Robert Abela li iffirma l-kuntratt tal-Electrogas u l-kuntratt tal-bejgħ tal-isptarijiet. U hawn, il-Kap tal-PN fakkar fil-mozzjoni Parlamentari li tressqet mill-Oppożizzjoni.
“Issa hemm mozzjoni fil-Parlament dwar id-deal tal-isptarijiet. U issa rridu naraw min verament iħobb lil Malta. Jekk id-deputati tal-Gvern veru jħobbu lil pajjiżna, għandhom jivvutaw favur din il-mozzjoni biex jitwaqqa’ l-ftehim ma’ Steward”.
Fost it-temi li tqajjmu fil-programm kien hemm l-immigrazzjoni.
Adrian Delia qal illi l-Gvern għadu jrid jagħti dettalji fil-Parlament dwar il-mod kif qed jitħarsu l-obbligi internazzjonali, filwaqt li ma nieħdux fuqna piż li ma nifilħux għalih.
Il-Kap tal-PN fakkar illi kien hu li iltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew tal-Immigrazzjoni, fejn hi ikkommettiet ruħha fuq ir-ripatriazzjoni u li tiħrax il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ persuni bil-baħar.
“F’sentejn u 3 xhur diġa’ daħlu 6,000 immigrant f’pajjiżna” qal Adrian Delia, filwaqt illi saqsa x’se jiġri ladarba tgħaddi l-emerġenza medika.
Il-Kap tal-PN insista li ħadd ma jaf x’se jiġri bl-immigranti ladarba jerġgħu jinfetħu l-portijiet. Dan għaliex il-Prim Ministru mhux qed ikun ċar x’inhi l-politika vera tiegħu.
Fuq dan il-punt, Adrian Delia fakkar illi kien dan il-gvern li fetaħ il-bibien tiegħu għal ħaddiema barranin biex jiġu Malta. “Dawn huma eluf, għax kien il-gvern li ried din il-politika”, qal il-Kap tal-PN.
Fil-programm issemma’ wkoll il-fatt li sa issa Adrian Delia għadu ma kellux dibattitu mal-Prim Ministru Robert Abela.
Adrian Delia reġa’ kisser il-gideb kollu li irrepeta l-Prim Ministru Robert Abela kontra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-aħħar ġranet.
L-effetti tal-kriżi tal-Coronavirus
Il-Kap tal-PN qal illi bħalissa, in-nies iridu jisimgħu kif għandhom jitħarsu l-jobs tagħhom, kif qed tiġi affetwata l-ekonomija bl-emerġenza tal-Covid-19 u kif qed jaffetwa l-kollass fil-prezz internazzjonali taż-żejt.
Fil-programm, Adrian Delia qal li hemm ħafna ħaddiema u negozji li ma sabu ebda appoġġ jew appoġġ veru minimu minn naħa tal-Gvern.
“Waħda mill-proposti tagħna bħala Partit Nazzjonalista kienet li l-kontijiet tad-dawl jitnaqqsu bin-nofs. Iżda l-gvern qed jirreżisti dan ir-roħs, u aħna għadna qed inħalsu bl-għoli”.
Adrian Delia fakkar li l-Partit Laburista qabel l-2013 kien niżżel lin-nies fit-toroq meta l-prezz taż-żejt kien $120 kull barmil. Issa, iż-żejt niżel għal zero.

Adrian Delia saqsa jekk il-Gvern hux imħejji għal wara l-pandemija.
“Bdejna niddiskutu Post-covid Recovery Package? Għaliex mhux isiru laqgħat mal-imsieħba soċjali?”, saqsa l-Kap tal-PN.
Hu spjega li l-Gvern hu obligat li jaħseb fil-ħaddiema kollha li qed ikunu milquta minn din il-kriżi. “Irridu naraw li ħadd ma jibqa’ lura, u mhux il-ftit isofru weħidhom. Irid ikollna bħala pajjiż ruħ soċjali u naħsbu f’min qed ibati”.
//= $special ?>