Il-kumpanija Monaco Telecom ħabbret li ħatret lir-Rettur Emeritu tal-Università ta’ Malta Juanito Camilleri bħala Chairman mhux eżekuttiv ta’ Vodafone Malta.
Il-Professur Camilleri jippossjedi esperjenza estensiva fis-settur tat-telekomunikazzjoni, billi servi bħala Kap Eżekuttiv fundatur mal-kumpanija GO, qabel ma ngħaqad ma’ Melita Cable plc bħala CEO tal-Grupp. Bħalissa huwa l-President u l-Professur residenti fiċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u l-Inkubazzjoni tan-Negozju fl-Università ta ’Malta u kif ukoll direttur fuq diversi bordijiet.
Camilleri qal li jinsab eċċitat ħafna bil-viżjoni ta’ Monaco Telecom għall-operazzjoni ta’ Malta, li tfittex li żżomm il-vantaġġi l-kbar tal-kumpanija waqt li tħabbar servizzi innovattivi diġitali lil hinn mill-komunikazzjoni mobbli.
“Monaco Telecom tifforma parti minn netwerk ikbar ta’ operaturi li mhux biss jinsabu msejsa sew fl-Ewropa iżda għandhom ukoll esperjenza estensiva fl-għoti ta’ servizzi moderni u innovattivi fi stati żgħar” qal il-Professur Camilleri.
Il-Professur Camilleri jifforma parti minn bord ġdid ta’ Vodafone Malta magħmul minn rappreżentanti tal-azzjonisti ta’ Monaco Telecom, li temm l-akkwist ta’ € 250 miljun ta’ Vodafone l-ġimgħa li għaddiet wara li rċieva l-approvazzjoni regolatorja mill-awtoritajiet Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv il-Ġdid ta’ Vodafone Malta, Tamas Banyai qal: “Il-Professsur Juanito Camilleri huwa pijunier fl-industrija lokali tat-telekomunikazzjoni u se jkun ta’ valur imprezzabbli fl-ispinta tagħna li niffukaw fuq l-investiment fin-netwerk u l-innovazzjoni biex inwessgħu l-appell tagħna fost il-klijenti Maltin.”