Raġel armat b’arma tan-nar u liebes ta’ pulizija qatel minn tal-anqas 16-il persuna, inkluż pulizija mara fil-Kanada.
Il-Pulizija fil-Kanada qed tinvestiga l-agħar sparatura fl-istorja tal-pajjiż li halliet numru ta’ vittmi f’diversi nħawi ta’ Nova Scotia.
Il-massakru twettaq minn raġel armat, liebes l-uniformi ta’ pulizija, u li spiċċa joqtol diversi persuni, inkluż Pulizija mara. Dan qabel hu nqatel.
L-aggressur ġie identifikat bħala Gabriel Wortman, u kellu 51 sena.
L-aggressjoni li damet għaddejja tnax-il siegħa nisslet terrur fid-diversi lokalitajiet ta’ Nova Scotia, fost xeni simili għal xi film ta’ Hollywood, waqt li l-pulizija bil-karozzi baqgħu jsegwu l-passi tal-aggressur minn zona għall-oħra.
Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau fisser l-attakk bħala sitwazzjoni terribbli waqt li l-Prim Ministru ta’ Nova Scotia, Stephen McNeil, tenna li din kienet waħda mill-aktar azzjonijiet vjolenti u bla ebda sens fl-istorja tal-provinċja.
Il-Pulizija Kanadiża ma jafux jekk Wortman kellux storja ta’ vjolenza inkella ta’ fehmiet politiċi estremisti. Lanqas ma jafu dwar xi rabta bejn il-qattiel u l-vittmi.
L-isparaturi tal-massa huma relattivament rari fil-Kanada fejn il-liġijiet għall-pussess tal-armi tan-nar huma aktar stretti minn dawk tal-Istati Uniti.
//= $special ?>