Lokali Parlament

Il-Gvern mhux jikkunsidra li jiddiskuti l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Miriam Pace

Il-parlament ppreparat li jagħmel dibattiti b’diskorsi virtwali

Il-Gvern mhux qed jikkunsidra li jiddiskuti fil-parlament il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex issir inkjesta pubblika dwar il-mewt tal-omm Miriam Pace li nqatlet taħt it-tiġrif tad-dar tagħha f’Santa Venera waqt li kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni bieb ma’ bieb magħha.

Il-pożizzjoni tal-Gvern kienet espressa mid-deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield illum fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra fejn intqal li, jekk trid, l-Oppożizzjoni tista’ tieħu sessjoni tagħha bħala private members bill.

Mistoqsi jekk hemmx pożizzjoni tal-Gvern dwar din l-mozzjoni, id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Oppożizzjoni għadha l-opportunità li tiddiskuti din il-mozzjoni nhar il-Ħamis li ġej u l-Gvern m’għandux oġġezzjoni.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li s’issa l-Grupp Parlamentari Laburista ma ddiskutiex il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Il-Ministru Edwrad Zammit Lewis qal li l-Prim Ministru waqqaf kumitat tekniku dwar dan il-każ u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni u għalhekk ikun aħjar li d-diskussjoni ssir wara li l-kumitat tekniku jikkonkludi r-rapport tiegħu.

Fil-kumitat l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mill-Viċi-Kap għall-Ħidma Parlamentari David Agius u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia tkellem ukoll dwar kif jistgħu jsiru d-dibattiti parlamentari minħabba l-coronavirus u qal li l-parlament hu lest biex jagħmel anki seduta b’mod virtwali kemm fil-plenarja kif ukoll fil-kumitati parlamentari. Dan se jkun qed isir skont ir-regoli tal-Kummissarju tas-Saħħa. Fil-kumitat kien hemm qbil li fil-kumitati parlamentari d-deputati li huma kunsidrati vulnerabbli jkunu jistgħu jipparteċipaw bl-iskype. Ix-xhieda fil-kumitati jistgħu jixhdu b’mod virtwali.