Coronavirus Lokali Transport Turiżmu

Protest Ġudizzjarju mill-bdoti tal-Air Malta

Il-bdoti tal-Air Malta (ALPA) ressqu protest fil-Qorti kontra l-linja nazzjonali tal-ajru minħabba l-mod li bih se jkunu qed jitkeċċew kważi l-piloti kollha tal-Air Malta.

Il-protest tressaq wara li l-Air Malta temmet ħesrem id-diskussjonijiet mal-bdoti tagħha u kollox qed jindika li issa rtirat ukoll l-offerta li tintaqsilhom il-paga. B’hekk il-linja tal-ajru nazzjonali kienet deċiża li sa għada tkeċċi 80% tal-bdoti.

Dan kollu wara l-ALPA fil-jiem li għaddew informat lill-bdoti li l-management tal-Air Malta ried ikeċċi 108 minnhom mill-aktar fis minflok jagħżel li jistenna t-tletin jum kif inhu rikjest mil-liġi.

Il-Protest Ġudizzjarju tressaq dalgħodu u kien iffirmat mill-avukat Andre Portelli. L-ALPA qed iżżom responsabbli għad-danni lill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri u lit-tmexxija tal-Air Malta.

Il-bdoti qed jinsistu li il-Gvern u l-kumpanija jwettqu l-obbligi legali tagħhom.

Il-Ħadd sar magħruf illi sas-Sajf, it-telf ghal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta jaf ilahhaq it-€130 miljun.