Ekonomija Internazzjonali

REKORD STORIKU: Il-prezz taż-żejt jikrolla għal $0 kull barmil

Il-produtturi taż-żejt qed jispiċċaw iħallsu lil min jixtri ż-żejt

Il-prezz taż-żejt fl-Istati Uniti niżel għall-prezz ta’ $1 kull barmil. Dan meta aktar kmieni dalgħodu il-prezz WTI Crude kien fil-livell ta’ $15.

Fil-Kanada, il-prezz taż-żejt kien qed jiġi innegozjat fil-livell ta’ $6 kull barmil.

F’xi ħin, analisti li kienu qed isegwu s-swieq raw ukoll għall-ewwel darba prezz fin-negattiv – xenarju li lanqas fil-perijodu ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija qatt ma seħħ.

Fi kliem sempliċi, il-produtturi taż-żejt qed jispiċċaw iħallsu lil min jixtri ż-żejt, u mhux jitħallsu.

Analisti internazzjonali qed jgħidu li dan il-kollass fil-prezz seħħ minħabba li d-domanda internazzjonali kważi sparixxiet kompletament. Dan wara li diversi ekonomiji jinsabu imblukkati kaġun ta’ lockdowns li hemm imposti.

Ġurnali awtorevoli bħall-Financial Times u Bloomberg qed jindikaw li t-taqlib ekonomiku laħaq l-agħar livelli kaġun tal-Coronavirus.