Futbol Sport

Sentejn ilu Wenger ħabbar li mhux se jibqa’ manager ta’ Arsenal

(Ritratt: EPA)

20 TA’ APRIL 2018

Sentejn ilu, il-manager ta’ Arsenal Arsène Wenger ħabbar bi stqarrija fis-sit uffiċjali tal-klabb li kien se jkun qed itemm l-esperjenza twila tiegħu ma’ Arsenal fi tmiem l-istaġun 2017/18. Wenger qal li ħass li hu l-aħjar żmien li jispiċċa mit-tmexxija teknika tat-tim. Dakinhar Wenger kompla jgħid li kuntent li kellu l-privileġġ li jservi l-klabb għal tant snin u saħaq li mexxa lit-tim b’impenn sħiħ u b’integrità. Hu rringrazzja lil kulħadd u ħeġġeġ lill-partitarji biex jingħaqdu wara t-tim biex itemmu l-istaġun bl-aħjar mod possibbli.

Fl-aħħar staġun ta’ Wenger, Arsenal spiċċaw fis-sitt post fil-Premier League u kienu eliminati minn Atletico Madrid fis-semifinali tal-UEFA Europa League. Fl-aħħar snin tat-tmexxija, kibret il-kritika mill-partitarji biex Wenger li llum għandu 70 sena, jitkeċċa. Kienu t-tliet suċċessi f’erba’ snin fl-FA Cup li tawlu l-esperjenza tiegħu mal-klabb.

Wenger kien ingħaqad ma’ Arsenal fil-bidu ta’ Ottubru lura fl-1996. Mal-Gunners hu rebaħ tliet darbiet il-Premier League, seba’ darbiet l-FA Cup u seba’ darbiet il-Community Shield. L-aħħar kampjonat li rebaħ kien fl-istaġun 2003/2004 meta f’dak l-istaġun kienu rebħu l-kampjonat bla telfa. Wenger kien mexxa lil Arsenal biex jaslu sal-finali taċ-Champions League.

Fl-aħħar logħba tiegħu fl-Emirates Stadium, Arsenal kisbu rebħa kbira ta’ 5-0 kontra Burnley. Wara l-partita, Wenger kien preżentat b’disinn tat-trofew tal-Premier League iżda tad-deheb, sinjal tal-kampjonat bla telfa li Arsenal rebħu 16-il sena ilu.