Coronavirus Lokali Saħħa

Tliet sptarijiet pubbliċi ngħataw b’xejn u għalxejn lil kumpanija li ġiet mix-xejn

“Għamilna pressjoni kontinwa fuq il-Gvern u fuq Robert Abela sabiex jieħu azzjoni immedjata fuq il-ftehim tat-tliet sptarijiet ma’ Vitals u Steward, iżda għadu qed ikaxkar saqajh u minkejja li għaddejjin minn kriżi fil-qasam tas-saħħa, għalih is-saħħa tan-nies mhix urġenti. Robert Abela kien l-avukat ta’ Joseph Muscat ġie ffirmat il-kuntratt li nagħtu €100 miljun oħra lil Steward mit-taxxi tan-nies jekk is-settur tas-saħħa jfalli. L-Oppożizzjoni se ġġib din il-kwistjoni quddiem il-Parlament b’mozzjoni biex dan il-ftehim jiġi kkanċċellat u biex ir-rappreżentanti tal-poplu jgħidu humiex favur jew kontra dan id-deal maħmuġ.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Karol Aquilina u Stephen Spiteri.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tagħmel dak kollu possibbli sakemm il-kuntratt tat-tliet sptarijiet jiġi kkanċellat u l-isptarijiet jingħataw lura lin-nies u kull min seraq lill-poplu jħallas lura dak li seraq u jħallas t’għemilu. Huwa qal li matul din il-kriżi bl-imxija tal-COVID-19 minflok għandna l-isptar San Luqa mibdul fi sptar state of the art kif ġejna imwegħdin għandna sptar li bl-ammissjoni tal-Gvern stess ma jistax jintuża jew jiġi konvertit u l-Gvern se jonfoq miljuni kbar biex jagħmel prefabricated hospital. Vitals kienu wegħdu li jibdlu l-isptar ġenerali ta’ Għawdex f’wieħed modern b’400 sodda u li jaħdem indipendentament minn Mater Dei iżda dan ma sarx. Minkejja li Vitals ma’ onorawx l-obbligi tagħhom, il-Gvern flok keċċihom u kontra kull prassi tal-public procurement ippermetta li huma jbiegħu l-obbligi tagħhom lil Steward.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar kif fi Frar tal-2018 fetaħ kawża fejn talab lill-Qorti tikkanċella l-kuntratt mal-Vitals, bl-Avukat Ġenerali jagħżel li jkun fuq in-naħa ta’ min qed jisraq lill-poplu. Huwa fakkar kif li f’Awissu tal-2019 sar ftehim li permezz tiegħu l-Gvern Malti ta escape clause ta’ €100 miljun ewro mill-flus tan-nies lil Steward jekk il-kuntratt jintemm, anke jekk jintemm minħabba nuqqas min-naħa tagħhom. Minkejja li Vitals għamlu telf kbir, l-eks CEO Ram Tumuluri daħħal €6 miljuni li setgħu marru biex nixtru 500 ventilators li tant għandna bżonn biex niġġieldu l-COVID-19. Dan il-kuntratt kien miktub biex ifalli, fejn kumpaniji barranin sal-lum ingħataw aktar minn €250 miljun f’serq ta’ flus il-poplu u għadhom qed jingħataw il-miljuni bil-barka ta’ Robert Abela, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna, li huma personalment responsabbli għad-danni li sofra u li qed isofri l-poplu. Adrian Delia qal li dan deal maħmuġ li jitfa’ responsabbilitajiet kbar politiċi fuq kull min kien involut fih.

Stephen Spiteri qal li fir-rigward tat-tliet sptarijiet, l-Gvern ma ħarisx l-interess nazzjonali iżda poġġa l-interessi ta’ kumpaniji privati barrain fuq dawk tal-poplu. Huwa qal li l-ftehim tal-Gvern ma’ Vitals u Steward ma kien xejn ħlief falliment finanzjarju u infrastrutturali li qed jerfgħu l-piż kollu tiegħu l-familji u l-ħaddiema. Stephen Spiteri qal li l-inkompetenza tal-kumpaniji Vitals u Steward qed tħalli impatt negattiv fuq pajjiżna li bħalissa, aktar minn qatt qabel bl-imxija tal-COVID-19, jeħtieġ li jkollna kura tal-ogħla kwalita. Minħabba din il-kriżi, pajjiżna għandu aktar bżonnijiet fil-qasam mediku fosthom aktar sodod, aktar ħaddiema u aktar riżorsi, u dan kollu huwa kruċjali biex nirbħu l-ġlieda kontra l-ħin u nnaqqsu l-ammont ta’ infezzjonijiet tal-virus. Li kieku sar l-investiment imwiegħed minn Vitals u Steward, kien ikollna moħħna iktar mistrieħ li nistgħu negħlbu b’mod aħjar din l-isfida. Stephen Spiteri rringrazzja lil kull min qed jaħdem u jagħti sehemu fil-qasam tas-saħħa, b’sagrifiċċji kbar biex jaqdu dmirijiethom. L-Oppożizzjoni temmem li l-poplu Malti u Għawdxi ħaqqu aħjar, u għalhekk jeħtieġ li l-Gvern jibda jaġixxi fl-interess tan-nies. Is-saħħa għandha tkun f’idejn gvern li jagħti prijorità lis-saħħa pubblika mhux f’idejn kumpaniji barranin privati li jaħsbu l-ewwel fil-profitt.

Karol Aquilina qal li l-governanza ħażina saret karatteristika ewlenija tal-Gvern Laburista. Il-Gvern ma kienx trasparenti u kontabbli fl-għoti tat-tliet sptarijiet u għandu jippubblika l-kuntratti u l-korrispondenza kollha li għaddiet ma’ Vitals u ma’ Steward biex kulħadd ikun jaf xi ftiehem minn wara dahar kulħadd. Karol Aquilina elenka numru ta’ fatti dwar Steward:

  • Din il-kumpanija għandha share capital (kapital azzjonarju) ta’ €1,200 biss. Dan huwa ammont miżeru.
  • Il-kumpanija Steward qed tammetti b’mod ċar li mhix qed twettaq l-obbligi tagħha li tagħmel investiment kbir fi proġetti li ġiet fdatha li twettaq fi tliet sptarijiet pubbliċi.
  • Il-kontijiet, l-accounts, ta’ din il-kumpanija ma jagħtux informazzjoni adegwata kif inhi obbligata li tagħmel.
  • Il-kumpanija għandha negative equity ta’ €27.3 miljun. Dan in-negative equity seħħ għaliex il-kumpanija għandha tagħti aktar minn kemm huwa l-valur tal-assi li għandha f’idejha.
  • Il-kumpanija għandha dejn ta’ aktar minn €44 miljun u prattikament m’għandha l-ebda assi x’turi għal dan id-dejn kollu.
  • Il-kumpanija għandha tagħti miljuni f’arretrati ta’ taxxi.
  • Steward s’issa ppubblikat l-financial statements għas-sena 2017 meta suppost bħalissa l-kumpanija tkun qiegħda tipprepara biex tippubblika l-financial statements tas-sena li għaddiet, is-sena 2019.
  • Il-financial statements għas-sena 2017 waħedhom huma prova ċara tat-taħwid f’dan id-deal skandaluż u ta’ kemm dan id-deal ma’ ħalla l-ebda titjib fis-servizz ta’ saħħa pubblika.

Karol Aquilina qal li bit-tliet sptarijiet, l-Gvern wettaq inġustizzja kbira man-nies u għalhekk l-Oppożizzjoni tappella lill-NAO, sabiex kemm jista’ malajr ilesti l-investigazzjoni tiegħu dwar dan id-deal, liema investigazzjoni issa ilha għaddejja tliet snin. 

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.