Coronavirus Lokali

12-il każ ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna; ifiqu 24 oħra

Aktar aħbarijiet inkoraġġanti fis-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, hekk kif fl-aħħar bulettin mediku, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 24 persuna oħra li fiequ fosthom persuna li għandha ‘l fuq minn 80 sena.

Barra minhekk, fl-aħħar sigħat saru 726 test, li minnhom ħarġu 12 pożittivi, fosthom żewġ gruppi ta’ individwi – wieħed ta’ tlieta u ieħor ta’ tnejn, li persuna minnhom għandha 81 sena. Pożittiva wkoll mara Maltija ta’ 27 sena, raġel ta’ 38 sena mill-Etjopja li jgħix fil-komunità ma’ erba’ persuni oħra, Indjan ta’ 50 sena li jgħix u jaħdem Malta, Sirjan ta’ 33 sena li jgħix waħdu, u tliet persuni miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, fejn qed isir random testing.

Kampjuni tat-testijiet

Issa, in-numru ta’ każi pożittivi f’Ħal Far telgħu għal 41. Iċ-ċentru kien ingħalaq fi kwarantina malli ġew irreġistrati l-ewwel każi.

Fit-Taqsima tal-Kura Intensiva għad hemm pazjent wieħed, li issa ilu rikoverat għal diversi ġimgħat. Ir-raġel għadu fuq ventilator u l-qagħda tiegħu baqgħet stabbli.

In-numru totali ta’ każi rreġistrati pożittivi f’pajjizna s’issa hu ta’ 443. Iżda meta wieħed inaqqas il-150 persuna li fiequ u t-tliet fatalitajiet li kellna, iniżżel il-każi attivi għal 290.

Sa mill-ewwel każi rreġistrati, żdiedu s-sintomi li jistgħu jkunu indikattivi tal-virus biex issa jinkludu deni, uġigħ fil-ġogi, għejja, sogħla, qtugħ ta’ nifs, imnieħer iqattar, griżmejn juġgħu, uġigħ ta’ ras, nuqqas ta’ togħma u xamm, nuqqas ta’ aptit u anke remettar.

Il-Professur Gauci għal darb’oħra appellat biex kulmin għandu wieħed jew aktar minn dawn is-sintomi, iċempel fuq il-helpline 111 ħalli jingħata appuntament għal swab test.

Sadanittant, fl-isfond tan-numru ta’ każi li qed ivarjaw minn wieħed, għal tnejn, għal tnax, l-appell tas-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika ma jinbidilx; anzi, jibqa’ wiehed ta’ kawtela.

Charmaine Gauci kkonfermat li pajjizna bħalissa qed janalizza kampjuni differenti ta’ testijiet li jeżaminaw l-antibodies fid-demm. Dan hekk kif l-antibodies minn pazjenti li jkunu fiequ jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trattament għal pazjenti infettati bil-Coronavirus.