21 TA’ APRIL 1984
Riżultat li jibqa’ memorabbli għat-tim nazzjonali Malti kien id-draw ta’ 36 sena ilu kontra ċ-Ċekoslovakkja fl-Istadium Nazzjonali. Dan kien l-ewwel punt mirbuħ mit-tim nazzjonali Malti f’logħba minn grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Minbarra f’dak il-grupp, Malta ħadet sehem fil-gruppi ta’ kwalifikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni fl-1974, l-1978 u l-1982 u ħarġet telliefa f’20 logħba.
Il-logħba kienet diffiċli kontra tim li ried rebħa bilfors biex jibqgħu viċin in-nazzjonijiet ta’ fuq fil-grupp u b’ċans li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-1986 fil-Messiku. Fil-ħarġa tal-għada ta’ In-Nazzjon, intqal li ċ-Ċekoslovakki lanqas riedu jibdlu l-flokk mal-plejers Maltin.
Iċ-Ċekoslovakkja falliet penalty fit-18-il minuta. Pavel Chaloupka kien issikkat minn daħla ta’ Michael Woods filwaqt li John Bonello ħareġ biex jieħu l-ballun. In-numru 8 deher jiġi żbilanċjat mill-gowlkiper Malti u r-referee Spanjol kien pront u ordna penalty. Inkariga ruħu Jan Berger li iżda falla l-mira u xeħet għoli.
Fost l-aħjar okkażjonijiet li kellu t-tim Malti, fl-20 minuta Ray Xuereb irċieva mingħand Carmel Busuttil iżda xxuttja għoli. Fit-tieni taqsima, iċ-Ċeki dehru iżjed urġenti fil-logħob iżda l-Maltin baqgħu konċentrati. L-avversarji baqgħu jattakkaw iżda mingħajr penetrazzjoni. It-tisfira finali ntlaqgħet b’applaws kbir mill-folla preżenti u għajjat ta’ “Malta, Malta.”
//= $special ?>