Futbol Sport

46 SENA ILU: Valletta jiċċelebraw ir-rebħ tad-disa’ kampjonat wara nuqqas ta’ 11-il sena

(Ritratt: L-orizzont)

21 TA’ APRIL 1974

Valletta ċċelebraw bil-kbir ir-rebħ tad-disa’ kampjonat fl-istorja b’rebħa ta’ 3-0 kontra Qormi fl-aħħar logħba tal-kampjonat. Dan kien l-ewwel kampjonat ta’ Valletta wara nuqqas ta’ 11-il sena. Fil-ħarġa tal-għada ta’ In-Nazzjon, ġie rrappurtat li “min ma attendiex l-Istadium tilef spettaklu Belti.” Dan minħabba programm li beda kmieni waranofsinhar, bil-plejers Beltin saħansitra jduru b’bandiera kbira ħamra u bajda li kellhom.

Il-Beltin fetħu l-iskor wara kwarta meta CHARLES AGIUS irċieva mingħand Joe “Pesu” Borg u xeħet fil-baxx fuq il-lemin tal-gowlkiper Mifsud. L-iskor sar 2-0 fis-56 minuta b’azzjoni klassika bejn Charles Agius, Tony Giglio, Joe Borg, Carlo Seychell u NORMAN DARMANIN DEMAJO, b’tal-aħħar isammar il-ballun fix-xibka.

It-tieni gowl skorjat minn Norman Darmanin Demajo (Ritratt: L-orizzont)

It-tielet gowl wasal proprju minuta wara. Xutt ta’ Seychell ġie mblukkat mid-difensuri Qriema iżda l-ballun spiċċa għand TONY GIGLIO li skorja fil-baxx. Il-logħba twaqqfet għal xi ħin fit-tieni taqsima peress li r-referee Paul Bonett oġġezzjona għall-preżenza ta’ xi partitarji ta’ Valletta. Mat-tisfira finali, eluf ta’ partitarji Beltin invadew il-pitch biex jieħdu l-flokk mingħand il-plejers ta’ Valletta. Wara l-partita, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew lill-captain Tony Ciantar.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Protest minn Qormi

Qormi pprotestaw kontra r-riżultat u bbażaw il-protest fuq żewġ punti. Ir-raġunijiet huma li l-partita bdiet tard u li l-partitarji Beltin niżlu mat-touchline lejn tmiem il-konfront. Il-protest ma ġiex milqugħ mill-Kunsill tal-MFA ftit jiem wara. Valletta wieġbu li Qormi ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet meta xeħtu l-fjuri lill-ispettaturi. Ir-referee tal-logħba Paul Bonett ta l-verżjoni tiegħu fejn qal li kien ta permess lill-Beltin biex jagħmlu dawra mal-pitch, li l-partita bejn Gżira United u Floriana spiċċat tard u l-konfront Valletta v Qormi beda daqs għaxar minuti tard.

Bonett żied li fil-65 minuta waqqaf il-logħba biex talab lill-captain Belti u jżomm lura lill-partitarji u ħames minuti mit-tmiem, il-partitarji ta’ Valletta resqu viċin it-touchline mingħajr ma nterrompew il-logħob. Il-mozzjoni biex il-protest jiġi milqugħ ma ġietx issekondata. Il-Kunsill tal-MFA apprezza l-isforzi tal-membri tal-Kumitat Belti filwaqt li ddiżapprova l-attitudni tal-partitarji.

Tony Giglio (Ritratt: L-orizzont)