“Ejjew ngħożżu lil xulxin, nieħdu ħsieb xulxin” huwa l-vers predominanti f’Anġli Moħbija, kanzunetta mill-pinna tal-Arċipriet tax-Xagħra Għawdex Carmelo Refalo u l-mużika ta’ Philip Vella.
L-Arċipriet ħarbex il-lirika bil-għan li jqanqal tama’ u kuraġġ lis-semmiegħa kollha iżda l-proġett kważi lanqas seħħ, għaliex tilef il-karta li fuqha kien qiegħed jikteb fuqha. Pero meta sabha, irrealizza li dan jaf kien sinjal biex jiffinalizzaha. Kien proprju meta lestiha li kellem lil Philip Vella biex jaħdem fuq il-mużika u l-produzzjoni tagħha.
Ġie rrakkontat kif Philip Vella bagħat stedina lil numru t’artisti lokali; ġodda u stabbiliti, u permezz ta’ rikording fuq il-mowbajl jew xi mezz teknoloġiku ieħor, wasal il-prodott aħħari, kanzunetta oriġinali bis-sehem ta’ 43 kantant u kantanta. Janice Mangion, Ruth Portelli, Annabelle Vella, Kaya, Dario Bezzina, Anna Azzopardi, Michela Galea, Sebastian Calleja, Danica Muscat, Miriam Christine, Ludwig Galea, Glen Vella, Enya Magri, Gianluca Cilia, Rachel Lowell, Maria Spiteri, Emma Cutajar u Enzo Guzman jinsabu fost id-diversi uċuh li taw sehemhom filkanzunetta.
