Daqqa bla preċedent – il-prezz taż-żejt fl-Amerikan jaqa’ taħt iz-zero. Dan filwaqt li tul il-jum, l-istocks Amerikani bdew iħossu r-riperkussjoni ta’ dan it-tnaqqis storiku, bl-investituri inkwetati ferm dwar x’ser jiġri fil-jiem li ġejjin.
Anke l-prezz ta’ kull barmil żejt Brent Crude fir-Renju Unit, naqas għal inqas minn $20 – l-iktar livell baxx f’dawn l-aħħar 21 sena.
Esperti kif ukoll ġurnali awtorevoli bħal The Economist u Bloomberg saħqu li l-kriżi pandemika tal-Coronavirus qed twassal għal djgħufija qawwija fit-talba għax-xiri taż-żejt. Għaldaqstant il-prezz taż-żejt naqas drastikament kawża ta’ kombinazzjoni ta’ provvista żejda u kollass għat-talba dinjija kawża ta’ tnaqqis qawwi tal-attività ekonomika kkawżata inevitabbilment mill-miżuri li ttieħdu kontra Covid-19.
Dan ifisser li preżentament l-ebda pajjiż ma ried jixtri ż-żejt l-għaliex m’għandhom imkien fejn iqiegħduh u għaldaqstant preżżu ħa diksata għal taħt iz-zero.
Dan kollu wara li tul il-jum tal-Ħadd, l-OPEC, ir-Russja u l-bqija tal-pajjiżi li jfornu ż-żejt waslu fi qbil dwar ftehim bla ebda preċedent – dak li jnaqqsu madwar ghax miljun barmil. Dan sabiex provaw itaffu l-impatt qawwi fit-tnaqqis tal-prezz ikkawżat mill-pandemija.
Intant, f’pajjiżna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus sostna li bil-prezzijiet rekord taż-żejt, il-Gvern m’għanux aktar skużi sabiex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u negozji. Kif ukoll, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qed iżżid il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela sabiex inaqqas il-prezzijiet tal-Enerġija, ankè fid-dawl tal-kriżi finanzjarja li l-kumpaniji u familji Maltin qed iħabbtu wiċċhom magħha kawża tal-pandemija.
//= $special ?>