Internazzjonali

Coronavirus: L-ogħla rata ta’ imwiet għal 20 sena fl-Ingilterra u f’Wales

L-Uffiċċju Britanniku għall-Istatistika Nazzjonali indika li 18,516 persuni mietu fil-ġimgħa li kkonkludiet fl-10 ta’ April – jiġifieri madwar 8,000 aktar milli kien mistenni. Iċ-ċifra tal-imwiet hi l-ogħla għal dawn l-aħħar għoxrin sena, bid-data tenfasizza l-impatt qerriedi tal-Covid-19 – jew coronavirus.

Jidher li terz tal-imwiet kollha u xi 90 fil-mija ‘tal-imwiet addizzjonali’ huma marbutin mal-pandemija. Id-data wriet ukoll li mindu beda jinfirex il-coronavirus fir-Renju Unit, irdoppja l-ammont tal-imwiet għal kull ġimgħa fir-residenzi għal persuni vulnerabbli. Iż-żidiet fl-imwiet li ma kenux konsegwenza diretta tal-coronavirus ukoll jinsabu taħt skrutinju, bis-sitwazzjoni tissuġġerixxi  effetti indirett tal-pandemija u l-infurzar tal-lockdown.

Fi żviluppi oħra…

Il-World Food Programme tan-Nazzjonijiet Uniti qed iwissi li l-pandemija tista’ tirdoppja n-numru ta’ persuni fid-dinja li qed ibatu l-ġuh. Hu kkalkulat li l-ammont jitla’ mill-135 miljuni reġistrati fl-2019 għal 265 miljuni din is-sena.

Il-festival famuż ta’ San Fermin ( magħruf għat-tlielaq mal-barrin), fi Spanja, mhux se jsir f’Lulju bħal snin oħra. Dan hu t-tieni avveniment turistiku kbir, fl-Ewropa, li kellu jitħassar wara l-festival (tal-birra) tal-Oktoberfest fil-Ġermanja.

Ir-regoli tal-kwarantina fir-Russja ġiegħelu lill-kritiċi tal-Gvern biex jużaw il-mezzi online ħalli jwasslu messaġġi ta’ oppożizzjoni. Il-kummenti tallum qed jinkludu mistoqsijiet bħal ‘kif se nħallsu l-ispejjeż tagħna’ u ‘x’għandna nagħmlu issa fir-rigward tal-ikel?’.

Iżrael fakkar Jum l-Olokawst (il-qerda tal-Lhud taħt idejn in-Nażisti fit-Tieni Gwerra) fid-dell tal-pandemija. Filwaqt li s-sewwieqa, bħal snin oħra, waqfu bil-karozzi u ngħaqdu f’tislima kollettiva għall-memorja tas-sitt miljun Lhud maqtula, kien hemm ukoll eluf li ngħaqdu fit-tislima mill-gallariji tad-dar fost il-miżuri ta’ social distancing attwali.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li tneħħija tal-lockdowns li qed jikkontrollaw il-firxa tal-Covid-19 fil-pajjiżi rispettivi għandha titmexxa b’mod gradwali. Hi qed issostni li jekk il-lockdown jitneħħa malajr wisq, il-pajjiż inkwistjoni jkun qed jissogra ‘splużjoni ġdida ta’ infezzjonijiet’.