Mijiet ta’ impjiegi jintilfu fi ftit jiem biss
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li l-politika ta’ selettività u diskriminazzjoni li addotta l-Gvern dwar min jieħu l-assistenza tal-wage supplement sħiħ tal-COVID-19 qed twassal biex litteralment jintilfu mijiet ta’ impjiegi fi ftit jiem minn mindu faqgħet il-kriżi tal-COVID-19.
Claudio Grech, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u Clyde Puli, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, saħqu li minkejja l-impressjoni li kien qiegħed jagħti l-Gvern f’dawn l-aħħar jiem li m’hawnx setturi u impjegati li qed ibatu minn din il-kriżi, l-istatistika uffiċċjali tal-NSO stess turi mod ieħor.
Fil-fatt meta wieħed iqabbel iż-żieda ta’ dawk li bdew jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar xahar jara li l-qgħad żdied bir-rata inkwetanti u bla preċdent ta’ 28%. Dan jixhed nuqqas kbir ta’ reżiljenza ekonomika kif ukoll inġustizzja soċjali kbira ma’ dawk il-familji li ntlaqtu u li se jaraw tnaqqir fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Għaldaqstant l-Oppożizzjoni qiegħda għal darb’oħra tappella lill-Gvern biex jagħti widen għall-proposta tal-Partit Nazzjonalista biex l-għajnuna tat-€800 fix-xahar tiġi estiża għal dawk l-intrapriżi kollha li x-xogħol jew il-cash flow tagħhom naqsilhom b’50% jew aktar. Din hija miżura ġusta li tippermetti lil dawn l-intrapriżi li jixiriqlhom l-għajnuna biex iżommu l-impjegati tagħhom magħhom sakemm tgħaddi din il-kriżi. Minkejja l-logħob bin-numri, bl-aġir tiegħu l-Gvern qed jippreġudika eluf kbar ta’ impjiegi li ladarba jintilfu se jkun diffiċli ħafna li jerġgħu jinħolqu. L-Oppożizzjoni tittama li l-Gvern jirrealizza li n-nies u l-ħaddiema m’humiex numri jew statistika. Wara kull intrapriża hemm numru ta’ familji li jaqilgħu l-għixien tagħhom minn dik l-intrapriża, kemm jekk huma self-employed kif ukoll jekk huma operat ħafna akbar.
Finalment, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li t-triq ‘il quddiem f’din il-kriżi trid tkun waħda li tgħaqqad flimkien sforz komuni bejn l-imsieħba kollha u għalhekk jerġa’ jappella lill-Gvern biex ma’ jibqgħax jinjora t-talba ta’ l-Oppożizzjoni li jkun hemm konverġenza nazzjonali fuq kif l-ekonomija tagħna se tindirizza din il-kriżi biex jibqgħu jiġu salvagwardjati l-impjiegi f’pajjiżna.
//= $special ?>