Edwin Vassallo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella biex ċertu ġonna fil-qalba tal-irħula għandhom jinxtraw mill-Gvern biex isiru ġonna pubbliċi u mhux jinbidlu f’blokki ta’ konkos.
Edwin Vassallo qal li għandu jsir ippjanar għall-futur biex il-pajjiż ma jerġax jirritorna għaż-żmien li fih kien il-pajjiż qabel il-kriżi tal-corornvirus. Dan hu l-mument tal-verità biex l-ibliet u l-irħula Maltin ma jitilfux l-identità tagħhom minħabba l-bini, sostna Edwin Vassallo, li kompla li l-pajjiż m’għandux jinqered f’isem il-ġid. It-tisħiħ tal-ekonomija m’għandux ikun ibbażat fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-bini. Ma jistax ikun li jibqa’ jinqered l-ambjent u l-art agrikola.
Edwin Vassallo appella biex il-pajjiż ma jibqax jibbaża fuq iċ-cheap labour u qal li fl-2019 ħarġu iktar minn 12,000 permess tal-bini waqt li fl-2017 ħarġu 9,000 permess u fl-2016 ħarġu 7,000 permess tal-bini.
Minkejja d-diskors kollu li kien qed jgħid il-PL, il-Prim Ministru Robert Abela ma għinx lill-ħaddiema kollha f’din il-kriżi. Jirriżulta li fil-pajjiż hawn 35% tal-ħaddiem barranin minħabba l-industrija tal-kostruzzjoni.
Hu appella biex Wied Għomor jibqa’ kkunsidrat bħala żona protetta u sostna li kaġun tal-ħmieġ fl-arja 576 persuna qed imutu qabel iż-żmien.
Dwar il-Magħtab Edwin Vassallo qal li l-bdiewa għadhom inkwetati minħabba li l-Gvern mhux qed ikun ċar magħhom u qed jgħid biss li l-pjani orġinali twarrbu għalissa. Hu staqsa jekk il-Ministru tal-Ambjent hux se jirtira t-talba tal-President ta’ Malta.
Kieku ma kinitx il-protesta tal-bdiewa, il-pajjiż kien jitlef 226 tommna art agrikola fil-Magħtab; li issa qed jitnaqqsu. Edwin Vassallo qal li skont l-ex Prim Ministru Muscat u l-ex Ministru għall-Ambjent Herrera m’hemmx bżonn li tittieħed art agrikola waqt li l-inċineratur jista’ jsir fuq wara tal-Magħtab preżenti fejn hemm blat imqatta’ u b’hekk dan ma jiġix faċċata tar-residenti.
Edwin Vassallo qal li l-Gvern għandu jikkunsidra u jiddiskuti l-effetti ambjentali taċ-ċentru għall-ġbir tal-iskart li se jkun impjant enormi.
//= $special ?>