Lokali

HE A LTH: Informazzjoni affidabbli dwar kif ngħixu stil ta’ ħajja ħolistika

F’dan iż-żmien tal-lockdown kawża tal-pandemija COVID19, ħdax -il student u studenta tal-Baċċellerat fix-Xjenza bl-Unuri fil-Home Economics fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta ddeċidew li jaħdmu flimkien biex jikkrejaw paġna fuq Facebook fejn Maltin u barranin li jgħixu fil-gżejjer tagħna jkunu jistgħu jsibu informazzjoni utli u affidabbli dwar oqsma differenti tal-ħajja ta’ kuljum biex nippromwovu stil tà ħajja ħolistika.

Din l-inizjattiva bdiet minn xogħol li l-istudenti kellhom jagħmlu bħala parti minn study-unit fil-kors tagħhom HPN3011 “Health Education Interventions for Behaviour Change within a Lifelong Learning Perspective”, taħt is-superviżjoni tal-lettur, Dr Erika M. Pace, u b’konsultazzjoni ma’ Prof. Suzanne Piscopo.Il-paġna ta’ Facebook HE A LTH, li tfisser Home Economists’ Approach to Living Together Holistically, f’konformità mal-missjoni tal-Home Economics bħala suġġett u dixxiplina xjentifika, għandha l-għan li tipprovdi pjattaforma edukattiva u motivazzjonali għal kull età, toffri informazzjoni kredibbli u affidabbli, waqt li tippromwovi għażliet għaqlin għal saħħa aħjar u stil ta’ ħajja sostenibbli.

Il-paġna toffri idejat u pariri dwar kif nistgħu nagħmlu użu aħjar mir-riżorsi disponibbli u tagħti s-setgħa lin-nies sabiex jieħdu l-kontroll tal-ħajja tagħhom waqt li jieħdu ħsieb ħaddieħor u l-ambjent naturali. In-nutrizzjoni, il-preparazzjoni t’ikel bnin, it-tqassim siewi tal-flus u d-drittijiet tal-konsumatur huma ftit mis-suġġetti li qegħdin jiġu trattati.

Il-paġna HE A LTH https://www.facebook.com/holisticlivingindoors/ hija diġà attiva. Ftit mill-kitbiet li ttellgħu matul l-aħħar jiem jinkludu: ideat kif nistgħu inqattgħu l-ħin tal-lockdown bl-aħjar mod, pariri għall-konsumaturi fil-każ ta’ safar ikkanċellat, istruzzjonijiet biex jinħolqu dekorazzjonijiet għad-dar b’materjal riċiklat, eżeriċizzji li wieħed jista’ jagħmel fil-kumdita’ ta’ daru, l-ippreservar tal-ħaxix u l-frott kif ukoll riċetti divertenti u tajbin għas-saħħa li l-ġenituri jistgħu jagħmlu flimkien mat-tfal tagħhom.