L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qed iżżid il-pressjoni fuq il-Gvern biex inaqqas b’effett immedjat il-prezzijiet tal-Enerġija. Dan fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar sigħat, iż-żejt ġie jiswa litteralment zero, l-anqas li qatt niżel f’għexieren ta’ snin.
Fi stqarrija, l-MEA fakkret kif il-prezzijiet attwali tal-Enerġija f’pajjiżna ma jirriflettux il-prezz internazzjonali, bil-pjaga tkompli tiżdied għall-familji meta dawn qed jgħaddu aktar ħin id-dar u allura, jikkunsmaw aktar.
Iżda l-Ministru Owen Bonnici wera biċ-ċar li l-Kabinett ta’ Robert Abela m’għandux pjan dwar l-Enerġija. Għax filwaqt li ħafna pajjiżi adattaw il-prezzijiet tagħhom biex jirriflettu s-sitwazzjoni preżenti, qed jidher dejjem aktar ċar li l-Gvern Malti għad m’għandux idea ta’ meta se jagħmel dan.
Fil-fatt, mistoqsi minn NET News, il-Ministru Bonnici ħarab milli jgħid meta dan il-Gvern se jkun qed jgħin lill-familji billi jraħħas il-prezzijiet tal-Enerġija. Minflok, hu segwa l-prassi ta’ sħabu fil-Kabinett billi attakka b’mod partiġġjan lill-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi mill-ġdid għal tweġiba ċara, minflok ma wieġeb meta se jorħsu l-kontijiet, il-Ministru qisu ta x’jifhem li l-kontijiet traħħsu biżżejjed ladarba, skont hu, tnaqqsu bi ftit fl-2013.
Il-karba, li issa saret ukoll mill-MEA, issegwi dik magħmula fil-ġimgħat li għaddew minn għadd ta’ organizzazzjonijiet u korpi kostitwiti oħrajn, kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista. Iżda minflok, il-Gvern qed ikompli jaħrab milli jikkommetti ruħu, bil-Prim Ministru saħansitra jevita lill-ġurnalisti billi qed jidher biss fuq il-media tal-Partit tiegħu stess u fuq ix-Xandir tal-Istat.
Min-naħa tagħha, l-MEA qed tissuġġerixxi wkoll li l-iskemi ta’ għajnuniet lill-ħaddiema u lil min iħaddem għandhom jiżdiedu ħalli ħadd ma jkun iddiskriminat u biex jitneħħew l-anomaliji li jeżistu.
Appellat ukoll biex il-ħaddiema fis-settur tas-Saħħa jingħataw bonus speċjali, fid-dawl tas-servizz eċċellenti li qed jagħtu.
//= $special ?>