Basketball Coronavirus Sport

Il-kampjonati lokali tal-basketball uffiċjalment mhux se jkomplu

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-kampjonati lokali tal-basketball mhux se jkomplu wara laqgħa tal-Kunsill bejn il-Kumitat Eżekuttiv u r-rappreżentanti tal-klabbs. B’hekk ifisser li l-kampjonati BOV tal-Ewwel Diviżjoni u Amateur tal-irġiel u l-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa ġew ikkanċellati u tterminati.

Il-kompetizzjonijiet l-oħra jiġifieri l-BOV knock-out u t-Tazza Louis Borg tal-irġiel, il-MAPFRE MSV Life knock-out u t-Tazza Louis Borg tan-nisa, il-BOV knock-out tal-Amateur u l-finali ta’ taħt it-23 sena tal-irġiel, għalissa huma posposti.

Il-klabbs qablu dwar il-possibbiltà li jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-permess sal-aħħar ta’ Mejju u t-taħriġ ikun possibbli, l-MBA se tagħti tliet ġimgħat preparazzjoni u l-logħbiet li fadal jintlagħbu sal-aħħar ta’ Lulju. Dan japplika wkoll għall-kampjonati taż-żgħażagħ.

Ġie deċiż ukoll li laqgħa oħra se ssir f’nofs Mejju biex tiġi aġġornata s-sitwazzjoni dakinhar u jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjonijiet li fadal. L-MBA hi kommessa li timxi mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa biex tħares is-sigurtà ta’ kulħadd.