“Kif jgħaddi kollox il-feriti li rridu nfejqu mhux ser ikunu fiżiċi biss iżda ankè mentali”
Ninsabu nkwetati għaliex fis-sitwazzjoni ta’ kriżi preżenti ikun hemm aktar nisa fil-frontline minħabba li huma l-aktar predominanti fost il-careworkers u l-infermiera.
Hekk sostniet il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Mary Gaerty fejn fi stqarrija spjegat li filwaqt li Malta spiċċat tħabbat wiċċha ma’ għadu inviżibbli bħal bqija tad-dinja bosta ħaddiema spiċċaw jaħdmu permezz tat-teleworking mid-dar. Iżda min jaħdem fl-isptarijiet impossibli li jagħmel dan.
Il-President ta’ dan il-Kunsill sosniet li n-nisa f’pajjiżna qed jirrispondu għal din il-kriżi b’saħħa, umanità u mħabba…. bil-maġġoranza jinsabu fuq il-frontline jgħinuna ħalli noħorġu minn din il-pandemija.
Apparti minn hekk, il-Kunsill tan-Nisa spjega li s-sitwazzjoni li pajjiżna spiċċa fiha imponiet fuq il-maġġoranza tan-nisa biex flimkien mal-irġiel tagħhom jgħinu lil uliedhom fl-edukazzjoni wara li ngħalqu l-iskejjel – impenn li qed isir bl-għajnuna tal-għalliema infushom li baqgħu f’kuntatt mal-istudenti.

Mary Gaerty saħqet li huwa wkoll ta’ tħassib il-fatt li nisa li qed jistennew tarbija għandhom il-biża’ li jiġri xi ħaġa lit-tarbija tagħhom, jew nkella li jkollhom xi membru tal-familja ma jiflaħx u b’hekk ma jkollhomx il-possibilità li jakkumpanjawhom u joqgħodu biswithom fl-aktar mument li ilhom jistennew. Saħansitra, f’ċertu okkażjonijiet lanqas il-ġenituri tagħhom ma jkunu jistgħu iżommulhom kumpanija f’dawn iċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom minħabba li jkollhom ‘il fuq minn 65 sena.
Gaerty spjegat li bosta nisa li qed jistennew li jwelldu jinsabu f’ansjetà kbira, flimkien mal-missirijiet, għaliex il-partner tal-omm ma jistax jidħol fis-sala ħdejn il-mara…għajr għat-tieni stadju tal-ħlas. Dan qed iwassal sabiex il-missirijiet iħossuhom imċaħħda minn din l-esperjenza unika. Għaldaqstant il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa qed jappella lill-awtoritajiet sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji ħalli l-missier ikun parti minn din l-esperjenza, anke minħabba l-fatt li skont huma hu essenzjali li mara jkollha l-persuna li tafdha f’dak il-mument tant delikat.

Il-Kunsill tan-Nisa qal li bosta qed isegwu l-pariri u d-direttivi maħruġa mis-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika u mhux qed joħorġu. Madanakollu oħrajn qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ saħħa mentali minħabba li sa ċertu punt jinsabu maqfula fi djarhom stess.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Kunsill tan-Nisa sellem ix-xogħol imprezzabbli li qed jagħmlu t-tobba, qwiebel, infermiera, carers u ħaddiema oħra f’dawn il-ġimgħat li pajjiżna spiċċa jissielet mal-pandemija.
