– Robert Cutajar, PN
Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li fl-aħħar seba’ snin il-pajjiż qed ifalli l-ambjent u sostna li issa hu tard wisq.
Fil-parlament Robert Cutajar qal li m’għandu jkun hemm qatt firda bejn l-ambjent u l-ippjanar tant li issa l-Gvern Laburista irrealizza li l-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi kellu raġun. Hu sostna li fl-aħħar seba’ snin il-Gvern Laburista wettaq sfreġju kbir fl-ambjent fejn fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta saru oxxenitajiet kbar.
Robert Cutajar semma’ każi li seħħew fid-daħla tal-Mellieħa fejn iċ-Chairman tal-ERA u ċ-Chairman tal-Bord tal-Ippjanar ivvotaw kontra l-applikazzjoni iżda minkejja dan, l-intenzjonijiet tagħhom u tal-case officer jinbidlu. Il-Gvern Laburista kien diġà marbut qabel l-elezzjoni tal-2013, sostna id-deputat Nazzjonalista, li semma’ wkoll kienet insterqet parti mill-by-pass tal-Mellieħa biex ikunu aġevolati ċertu nies.
Robert Cutajar kompla li l-fondi kollha għall-proġett li qed iwettaq dan il-Gvern huma riżultati tal-€1,000 miljun li ġab Gvern Nazzjonalista mill-UE. Dwar l-ambjent, hu qal li dan is-settur mar lura fejn il-PL inganna lin-nies fosthom bi bdil ta’ policies biex ikunu aġevolati ċertu nies.
Robert Cutajar kkritika l-bini f’ODZ u f’żoni oħra u qal li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ma rċieva ebda korrispondenza dwar laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Magħtab u appella lill-Ministru għall-Ambjent biex jippreżenta d-dokumenti. Hu qal li fl-2018 il-Gvern Laburista kien assigura li l-art tal-Magħtab se tkun imsaħħa u li mhux se tittieħed art agrikola. Dan ilum mhux minnu, sostna Robert Cutajar, li staqsa għaliex il-Gvern Laburista illum bidel il-pożizzjoni tiegħu u se jikkaġuna sfreġju.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni kompla li l-Gvern Laburista jrid jaġevola lil ċertu nies u sostna li l-pajjiż illum għandu l-aktar rata ogħlja ta’ mard respiratorju; il-pajjiż qed ifalli fl-ambjent u issa sar tard wisq.
Hu tkellem dwar it-tibdil fil-klima u qal li l-Gvern naqas li jiffinanzja lill-kunsilli lokali fi ftehim li għamlu ma’ kunsilli lokali barranin biex sal-2020 jitnaqqsu l-emissjonijiet f’kull belt u raħal. Il-Gvern kellu jgħin lill-kunsilli lokali biex jagħmlu l-istudju meħtieġa.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-infurzar tas-siti protetti taħt Natura 2000 u qal li qed isir ukoll sfreġju ambjentali bi tqaċċit tas-siġar.
//= $special ?>