Futbol Sport

Imut l-eks plejer ta’ Birkirkara Frans Bonnici “Il-Lula”

Frans Bonnici (l-ewwel wieħed mil-lemin isfel) (Ritratt: MFA)

Il-futbol lokali b’mod partikolari l-klabb ta’ Birkirkara tilef lil Frans Bonnici li miet fl-età ta’ 85 sena. Imwieled fid-9 ta’ Mejju tal-1934, “Il-Lula” kif inhu aktar magħruf, kien attakkant u skorer prolifiku ta’ Birkirkara.

Hu lagħab magħhom bejn l-1952 u l-1972 f’perjodu li fih Birkirkara ma kinux jissieltu fin-naħa ta’ fuq tal-ogħla diviżjoni kif għamlu f’dawn l-aħħar 25 sena. Tnax mill-20 staġun li lagħab Bonnici ma’ Birkirkara kienu fl-ogħla diviżjoni.

Minkejja li kienx ma jilgħab ma’ wieħed mit-timijiet il-kbar f’dak iż-żmien, il-Lula kien għoddu rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFA fl-istaġun 1964/65. Hu kien spiċċa l-aqwa skorer tat-Tieni Diviżjoni bi 17-il gowl u għen lil Birkirkara jirbħu l-kampjonat. Iżda għall-unika darba minn meta beda jingħata dak l-unur, dik is-sena l-unur ma ngħatax.

Mat-tim nazzjonali lagħab darba, fit-8 ta’ Marzu tal-1964. Dakinhar fl-Empire Stadium tal-Gżira, Malta lagħbet kontra selezzjoni Taljana tas-Serie C, b’tal-aħħar joħorġu rebbieħa 2-0.