Internazzjonali

Ir-Reġina tiċċelebra għeluq sninha taħt lockdown

Ir-Reġina Eliżabetta II illum tagħlaq 94 sena

Illum, 21 ta’ April 2020, ir-Reġina Eliżabetta II għalqet 94 sena, madanakollu dan il-jum tant speċjali għaliha ser ikollha tqattgħu ‘l bogħod mill-familja hekk kif fir-Renju Unit hemm fis-seħħ lockdown bħala miżura kontra l-Covid-19.

Ir-Reġina tinsab flimkien mar-raġel tagħha, id-Duka ta’ Edinburgh, f’Windsor Castle ġewwa Berskshire.

Bħal bqija tal-pajjiż, il-Familja Rjali qed joqgħodu ‘l bogħod minn xulxin hekk kif qed isegwu l-miżuri ta’ social distancing qalb din il-pandemija. Ir-raġel tar-Reġina, Philip – li għandu 98 sena – irringrazzja lill-frontliners kollha fl-ewwel stqarrija pubblika tiegħu 3 snin wara li rtira.

Kelliema għal Buckingham Palace saħqu li għeluq snin ir-Reġina mhux ser ikun ċelebrat b’mod speċjali u t-telefonati li ser ikollha mal-qraba ser ikunu qed jinżammu privatament.

F’għeluq sninha r-Reġina tinsab ‘il bogħod minn uliedha, bi Prince Charles għadu kemm irkupra mill-infezzjoni tal-Coronavirus, kif ukoll ‘il bogħod minn neputijiet u pro-neputijiet bi Prinċepp Harry u Meghan Markle jinsabu Los Angeles.

Il-qniepen ta’ Westminister Abbey, il-knisja fejn iżżewġet u ġiet inkurunata reġina Eliżabetta, ser ikunu qed jinżammu fis-silenzju għall-ewwel darba f’aktar minn għaxar snin. Dan l-għaliex il-knisja preżentament tinsab magħluqa minħabba l-miżuri kontra l-pandemija.

B’rispett lejn il-mument sensittiv li l-bqija tal-pajjiż qed iħabbat wiċċu miegħu, ir-Reġina talbet ukoll sabiex illum ma jkun hemm l-ebda sparar ta’ kanuni bħala salut għal għeluq sninha.

F’dawn il-jiem, ir-Reġina kienet sors ta’ stabbilità għall-Brittaniċi fejn f’indirizz lin-nazzjon hija saħqet li l-pajjiż ser ikun qed jirbaħ lil dan il-virus u insistiet li l-poplu ser jerġa’ jkun ħaġa waħda fi trijonf.

Fuq instagram il-Familja Rjali ppublikat ritratt ħelu tar-Reġina fejn kienet għadha tarbija tat-twelid.