Fid-19 ta’ Diċembru 2016 kienet saret it-tnedija tal-ewwel ktieb Muża Karkariża li kien fih ġabra ta’ xogħlijiet li nqraw f’seba’ attivitajiet letterarji li bdew fis-sena 2014 u baqgħu sejrin sas-sena 2016.
Fil-bidu tas-sena 2020 ġie ppubblikat it-tieni ktieb Muża Karkariża 2 li fih ġabra ta’ kitbiet li nqraw f’disa’ serati li saru mis-sena 2017 sas-sena 2018. F’dan it-tieni ktieb insibu kitbiet ta’ Tarcisio Zarb, Gorg Peresso, Charles Mifsud, Charles Briffa, Charles B. Spiteri, Philip Borg, Anton Grasso, Ninu Borg, Frans Borg, Therese Pace, Carmel G. Cauchi, Wayne Farrugia, Philip Xuereb, Patri Angelo Mamo, Emmanuel Attard Cassar, David Azzopardi, Carmen George, Joseph Cachia, Josianne X.Azzopardi, Antoine Camilleri, Ritianne Frendo, Carmen Moran u Benjamin Zarb.
Il-Muża Karkariża 2 (2019), ikkompilat minn Terry Muscat, ikompli ma’ Muża Karkariża li ħareġ fl-2016. Il-ġabra fil-Muża Karkariża 2 (2019) hija tlaqqigħ ta’ mħuħ li jsawru ħsibijiet skont il-burdati taż-żmien u x-xejriet tal-personalitajiet. Hija radda ta’ ideat li jinħmew fil-ħajja komuni tas-soċjetà Maltija.
Dan huwa ktieb li fih ġibjun ta’ tagħrif utiq fuq il-lingwa użata. Il-qawwa tiegħu hija l-varjetà – il-varjetà tal-kontenut u l-varjetà fl-istil. Fl-istil il-kittieba juru li huma bnedmin; u fil-kontenut juru li huma Karkariżi.
Minħabba li l-ktieb jinvolvi bosta kittieba, fih hemm stili differenti, għax insibu min jikteb fuqu nnifsu, fuq ħaddieħor, fuq xi nħawi, fuq xi ġrajjiet, fuq xi mġiba, fuq xi tifkira, fuq xi tiġrib jew fuq xi xejra.
U ma’ dan kollu nżidu li kull kittieb għandu l-individwalità tiegħu fil-mod ta’ preżentazzjoni.
Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għat-tieni darba ppubblika l-ktieb Muża Karkariża. It-tnedija ta’ dan il-ktieb se ssir fis-26 ta’ Ġunju 2020. Id-data jista’ jkun li tiġi posposta minħabba ċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom.
Il-ktieb Muża karkariża 2 jista’ jinxtara mingħand Agenda Book Shop.
//= $special ?>