Internazzjonali

Jiċħdu li Kim Jong-un hu serjament marid fost l-ispekulazzjoni

Il-Korea t’Isfel ċaħdet għal rapporti li Kim Jong-un, li jmexxi lill-Korea ta’ Fuq komunista, jinsab serjament marid wara li kellu jgħaddi minn kirurġija tal-qalb.

Iżda l-ispekulazzjoni dwar Kim għadha intensiva, bl-osservaturi jaqblu li hu kważi impossibbli biex wieħed jivverifika l-veru sitwazzjoni fil-Korea ta’ Fuq.

L-Uffiċċju tal-Presidenza fil-Korea t’Isfel sostna li ma kien hemm l-ebda sinjali speċifiċi mill-Korea komunista li jindikaw li Kim, li għandu 36 sena, ġarrab l-effetti ta’ marda gravi. Madankollu, it-tħassib jidher li żdied mindu Kim Jong-un, fil-15 ta’ April, ma ppreżentax ruħu għaċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq snin nannuh, Kim Il-sung, li kien waqqaf l-istat komunista u li miet fl-1994.

Din l-okkażjoni hi fost l-akbar avvenimenti tas-sena fil-Korea ta’ Fuq u Kim Jong-un dejjem attenda għaliha matul is-snin preċedenti. Għaldaqstant it-teorija li hu ‘din id-darba’ għażel li ma jattendix mhix meqjusa bħala kredibbli.

Fl-istess ħin, żgur li mhux faċli biex is-sorsi indipendenti jivverifikaw il-ħafna għajdut dwar Kim Jong-un bħala rapporti veritieri. Dan meta jibqa’ diffiċli r-rappurtaġġ dwar il-Korea ta’ Fuq li jibbaża fuq network ta’ segretezza intensiv.

Li kieku Kim Jong-un jispiċċa f’sitwazzjoni fejn ma jistax imexxi aktar pajjiżu, il-linja tas-suċċessjoni ma tindikax ċar min għandu jieħu r-riedni minfloku.

Kim Jong-un kien ‘ippreparat’ biex imexxi lill-Korea ta’ Fuq bħala l-eredi ta’ missieru, Kim Jong-il u jekk jispiċċa ‘nieqes’, oħtu, Kim Yo-jong, x’aktarx li tkun ‘għaża naturali’ biex tkompli bid-dinastija li kien beda Kim Il-sung.

L-osservaturi, intant, qed jinnutaw li l-influwenza ta’ Kim Yo-jong qed tikber wara li hi, din is-sena, akkumpanjat lil  Kim Jong-un waqt numru ta’ summits.