Jekk il-Kampjonat tas-Sajf jintlagħab se jkun mingħajr barranin. Ikkonferma dan il-President tal-ASA Joe Caruana Curran f’kuntatt li għamel miegħu netnews.com.mt. Is-sitwazzjoni preżenti minħabba l-coronavirus ħalliet effett kbir fid-dinja sportiva hekk kif l-attivitajiet sportivi waqfu u għadhom mhux ċerti meta se jkomplu.
Caruana Curran iddeskriva dan il-mument bħala “sitwazzjoni kerha għaliex ma nafux jekk u meta kollox se jirritorna għan-normal.” Hu qal li qed ikun f’kuntatt mal-Presidenti tal-klabbs kull ġimgħa b’kuntatt virtwali biex jagħtihom l-aħħar aġġornamenti kif ukoll jiddiskutu kif se jimxu wara li tgħaddi l-imxija.
Il-President tal-ASA wera solidarjetà mal-klabbs hekk kif qal li bħalissa l-introjtu tagħhom hu annulat. Dan hekk kif minbarra l-isponsors li jkollhom, l-akbar dħul jasal mir-ristoranti li jkollhom fil-faċilitajiet tagħhom u t-tesserament tal-membri tagħhom, bix-xhur tas-sajf ikunu l-aħjar għalihom.
Qabel twaqqfu l-kompetizzjonijiet, kienet qed tintlagħab l-Enemed Cup, fejn kien għad jonqos l-aħħar ġurnata tal-kampjonat u l-fażi tal-play-offs. Sa issa l-kompetizzjoni li tinsab fit-tielet edizzjoni tagħha, ġiet posposta hekk kif qed titħares il-possibbiltà li titkompla meta l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-permess.
Il-Kampjonati tax-Xitwa kellhom jibdew fis-7 ta’ April u jintemmu fid-9 ta’ Mejju. F’din is-sitwazzjoni, il-kampjonat hu pospost fejn teżisti possibbiltà li jintlagħab lejn l-aħħar tas-sena minħabba li xorta jkun fix-xhur tax-xitwa.
Dwar il-Kampjonat tas-Sajf sar qbil li jagħtu ċans sal-aħħar ta’ Ottubru biex il-kampjonat jintemm. Minħabba li l-istaġun tas-sajf jieħu madwar tliet xhur, u b’madwar xahar avviż biex jerġa’ jibda t-taħriġ, il-ħsieb hu li t-taħriġ jerġa’ jibda f’Lulju, dejjem jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-permess tagħhom.
Il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq mhix proprjetà tal-ASA u għalhekk trid tkun miftuħa minn SportMalta biex il-kompetizzjonijiet ikunu jistgħu jintlagħbu. Problemi wkoll għall-kampjonati ta’ taħt it-13, il-15, is-17 u l-20 sena hekk kif dawn jintlagħbu fil-pitches li wkoll jinsabu magħluqa. Li hu żgur li l-ASA qed tieħu din is-sitwazzjoni ġimgħa b’ġimgħa u qed iżżomm ruħha nfurmata bl-aġġornamenti kontinwi.
//= $special ?>