Coronavirus Ekonomija Lokali

L-istħarriġ tal-SME’s jagħti raġun lill-PN

  • Il-kritika tal-PN li l-Gvern qed ikun selettiv ma’ min jagħti l-għajnuna ingħatat raġun

Is-survey tal-Kamra tal-SMEs qed jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista dwar kemm l-għajnuna tal-Gvern kellha tkun mifruxa fuq ħafna iżjed self employed, negozji u ħaddiema. 

Stqarrija tal-PN iffirmata mill-kelliema Edwin Vassallo, Kristy Debono u Clyde Puli tgħid li minn dan is-survey joħroġ ċar kemm hija meħtieġa li l-Gvern, kif ippropona l-PN, kien ikun qed jagħmel aktar ġid lill-pajjiż li kieku firex aktar l-għajnuna tiegħu minflok kien selettiv lil min jgħin kif fil-fatt il-Gvern qed jagħmel.

Il-PN jistenna li l-Gvern jindirizza d-diffikultajiet u t-tbatijiet ta’ ħafna self employed sidien ta’ negozji u ħafna ħaddiema li jistgħu jispiċċaw bla xogħol. Il-ħaddiema li sfortunatament qed jitilfu l-għixien tagħhom qed jiżdied u jekk id-deċiżjonijiet  tal-għajnuna tal-Gvern ma jkunux tajba u f’waqthom, ir-ritorn għan-normalità se jkun diffiċli.

Dan meta issa huwa l-waqt li naħsbu u nippjanaw għall-futur tal-pajjiż wara l-imxija tal-COVID-19, fejn nagħtu t-tama b’għajnuna ta’ veru lis-sidien tan-negozji tagħna, lis-self employed f’kull qasam tax-xogħol u lill-ħaddiema qabel ma jkun tard wisq. 

Il-PN jħeġġeġ lill-Gvern sabiex jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jgħin lil min għadu qed jiċħadlu l-għajnuna. Pajjiżna, is-self employed u l-ħaddiema f’kull qasam inkluż professjonisti u s-sidien tan-negozji u l-familji tagħhom jixirqilhom aħjar.